No
Laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Bratislava, ir-Repubblika Slovakka, l-20-21 ta’ Ottubru 2016 
CC_meeting_Bratislava_2016.jpg 
Il-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt kienet ospitata u preseduta mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Slovakka fl-20-21 ta’ Ottubru 2016 fi Bratislava. Il-laqgħa kkoinċidiet mal-Presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Albanija, tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro, tas-Serbja u tat-Turkija, kif ukoll rappreżentanti tas-Segretarjat tal-EUROSAI, attendew il-laqgħa bħala osservaturi attivi.
Seminar dwar il-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima
Is-suġġett prinċipali tal-laqgħa kien il-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. L-għan kien li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-enerġija, f’termini ta’ awditjar u ta’ obbligu ta’ rendikont. Fid-diskors tiegħu trażmess permezz ta’ vidjo, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea (KE), Maroš Šefčovič, esprima apprezzament għax-xogħol li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għaddejja fuqu fir-rigward tal-analiżi panoramika ta’ kwistjonijiet relatati mal-enerġija u l-klima, u enfasizza li s-SAIs nazzjonali huma wkoll sħab ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea, billi l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja u l-governanza tajba kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
Is-SAIs ta’ Franza, tal-Iżvezja, tal-Polonja, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Portugall u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri qasmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom fit-twettiq ta’ awditi f’dan il-qasam.
Il-Kumitat ta’ Kuntatt innota li kwistjonijiet relatati mal-enerġija u l-klima jirrappreżentaw sfidi strateġiċi ewlenin għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Dawn l-isfidi jeħtieġu azzjoni li tittieħed mill-awtoritajiet rilevanti tal-UE u minn dawk nazzjonali, kif ukoll li jitwettaq xogħol tal-awditjar mis-SAIs nazzjonali u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-Kumitat ta’ Kuntatt irrikonoxxa li huwa biss meta s-SAIs jaħdmu flimkien li dawn il-kwistjonijiet trażversali importanti jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv. Permezz tax-xogħol, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom, l-awdituri pubbliċi jistgħu jagħtu kontribut rilevanti u kostruttiv għall-ilħuq tal-miri tal-istrateġija tal-UE għall-enerġija u l-klima, inkluż tal-miri tagħha għall-2020, l-2030 u t-triq lejn l-2050, u l-Ftehim COP 21 ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, li l-Istati Membri tagħhom impenjaw lilhom infushom lejh.
Is-seminar tal-Kumitat ta’ Kuntatt dwar dan is-suġġett wera li ħafna SAIs kienu diġà wettqu ammont sinifikanti ta’ xogħol tal-awditjar dwar suġġetti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà tal-enerġija, u li dawn is-suġġetti jibqa’ jkollhom importanza ċentrali għax-xogħol tas-SAIs. Barra minn hekk, hemm il-potenzjal biex isir aktar xogħol relatat ma’ innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija, fl-integrazzjoni tas-swieq Ewropej tal-enerġija, fil-kejl, il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u fl-adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-Kumitat ta’ Kuntatt laqa’ r-rieda tas-SAIs li jaqsmu informazzjoni u riżultati tal-awditjar fil-qasam tal-enerġija u l-klima, u ssuġġerixxa li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ix-xogħol tal-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-INTOSAI u tal-EUROSAI. Huwa laqa’ l-fatt li n-Netwerk tal-Awditjar tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa lest li jinkludi dan is-suġġett fl-attivitajiet tiegħu. Il-Kumitat apprezza u aċċetta l-offerta tas-SAI tar-Repubblika Slovakka li torganizza seminar sabiex tinqasam u tiġi diskussa esperjenza speċifika tal-awditjar, u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li torganizza laqgħa biex jiġu identifikati d-diskrepanzi u r-riskji fir-rigward tal-awditjar ta’ kwistjonijiet trażversali relatati mal-enerġija u l-klima.
Kwistjonijiet oħra li ġew diskussi fil-laqgħa
Is-SAI tar-Repubblika Slovakka tat sommarju tax-xogħol li sar f’din l-aħħar sena mill-gruppi ta’ ħidma, it-task forces u n-netwerks differenti tal-Kumitat ta’ Kuntatt. Is-SAI tas-Serbja pprovdiet informazzjoni dwar l-attivitajiet tan-Netwerk tas-SAIs tal-Pajjiżi Kandidati u l-Pajjiżi Potenzjalment Kandidati tal-UE.
Is-SAI tal-Latvja għamlet preżentazzjoni dwar l-awditu tagħha li jikkonċerna t-trasferiment ta’ attivitajiet portwarji lil hinn miċ-ċentru storiku ta’ Riga. Is-SAI tan-Netherlands irrappurtat dwar ix-xogħol tagħha li għadu għaddej fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti, speċifikament l-immarkar ta’ prodotti bit-tikketta CE.
Il-Kumitat ta’ Kuntatt appoġġa wkoll proposta biex jiġu aġġornati l-listi ta’ kontroll u l-linji gwida dwar l-awditjar tal-akkwist pubbliku.
Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta’ Kuntatt se tkun ospitata u preseduta mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.