No
Laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Lussemburgu, it-12-13 ta’ Ottubru 2017
Logo-CC2017.png 
 
 
Il-laqgħa annwali tal-2017 tal-Kumitat ta’ Kuntatt kienet ippreseduta u ospitata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fil-Lussemburgu. Il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) ta’ Pajjiżi Kandidati u Kandidati Potenzjali, kif ukoll rappreżentanti tas-Segretarjat tal-EUROSAI u ta’ SIGMA, attendew il-laqgħa bħala osservaturi attivi.

Is-suġġett prinċipali li ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt kien ir-rwol li s-SAIs jista’ jkollhom fil-bini mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE. Dan is-suġġett intgħażel fid-dawl tal-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw sfidi dejjem akbar, kif ukoll aktar pressjoni, fuq il-finanzi pubbliċi tagħhom, u n-nuqqas evidenti ta’ fiduċja li ċ-ċittadini tagħhom għandhom fl-istituzzjonijiet nazzjonali u f’dawk tal-UE. F’dan il-kuntest, il-parteċipanti ttrattaw ukoll kemm il-prodotti tal-awditjar innovattivi tas-SAIs kif ukoll il-komunikazzjoni mal-partijiet interessati, bil-għan li dawn jintużaw biex tiżdied il-fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali u supranazzjonali pubbliċi. Il-moderatur ta’ dawn id-diskussjonijiet kienet is-Sinjura Brigitte Chris, il-Viċi Direttur tas-SAI tal-Iżvizzera.

Tliet mistiedna esterni ġew mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett fil-panel ta’ diskussjoni. Is-Sur Arthuis, Membru tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Kumitat għall-Baġits, ipprovda perspettiva tal-UE dwar il-kwistjoni. Is-Sur Bertok, espert dwar l-integrità fis-settur pubbliku, ipprovda l-perspettiva tal-OECD dwar kif governanza aħjar tista’ tgħin biex il-fiduċja tinbena mill-ġdid. Fl-aħħar nett, is-Sur Colella, Kap Eżekuttiv tal-Institute of Chartered Accountants tal-Iskozja, ippreżenta l-viżjoni tiegħu dwar il-professjoni tal-awditjar bħala servizz għas-soċjetà bbażat fuq il-valuri. Is-Sinjura Yli-Viikari (mis-SAI tal-Finlandja), is-Sur Caldeira (mis-SAI tal-Portugall), u s-Sur Brenninkmeijer (mill-QEA) ikkontribwew ukoll għad-diskussjoni. Is-Sur Scheller (mis-SAI tal-Ġermanja), is-Sur Visser (mis-SAI tan-Netherlands) u s-Sur Migaud (mis-SAI ta’ Franza) esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar il-komunikazzjoni mal-partijiet interessati filwaqt li pprovdew eżempji konkreti.

Fid-diskussjonijiet ta’ wara, il-Kumitat ta’ Kuntatt ħa nota tal-attivitajiet li kienu twettqu mill-korpi ta’ ħidma u s-sħab professjonali tiegħu, kif ukoll tal-attivitajiet rilevanti tas-SAIs membri. Notevolment, dan kien jinkludi r-rapporti finali ta’ awditi li saru b’mod parallel, wieħed fuq il-kontribuzzjoni tal-fondi strutturali għall-Istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma tal-impjieg u/jew tal-edukazzjoni (imwettqa taħt it-tmexxija tas-SAIs tal-Ġermanja, tan-Netherlands u ta’ Malta), u l-ieħor fuq ir-riskji sottostanti għall-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi (taħt it-tmexxija tas-SAIs tal-Iżvezja u tal-Finlandja).

Il-laqgħa li jmiss se tiġi organizzata u ppreseduta mill-Uffiċju tal-Awditjar tal-Istat tal-Kroazja f’Ottubru 2018. 

 

gerhard-steger-video.PNG