Laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Dubrovnik, il-11-12 ta' Ottubru 2018

logo HR CC-final3.png
 
 
Il-laqgħa annwali tal-Kumitat ta' Kuntatt kienet ippreseduta u ospitata mill-Uffiċċju Statali tal-Awditjar tar-Repubblika tal-Kroazja f'Dubrovnik fil-11 u t-12 ta' Ottubru 2018. Minbarra d-delegazzjonijiet mill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-kapijiet tas-SAIs tal-pajjiżi kandidati u r-rappreżentanti ta' SIGMA attendew għal-laqgħa bħala osservaturi attivi.
 
Il-laqgħa nfetħet minn Ivan Klešić, Awditur Ġenerali tar-Repubblika tal-Kroazja, u Grozdana Perić, Membru tal-Parlament Kroat u President tal-Kumitat tiegħu għall-Finanzi u l-Baġit.​
 
L-ewwel jum tal-laqgħa kien iddedikat għas-seminar dwar l-“Interazzjoni maċ-Ċittadini - Il-ftuħ tas-SAIs". Fil-kuntest tal-iżviluppi attwali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak sovranazzjonali, (bħall-Brexit, il-migrazzjoni, is-sigurtà u t-tibdil fil-klima), it-tema tas-seminar offriet firxa wiesgħa ta' suġġetti u l-possibbiltà li jiġu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet rilevanti biex is-SAIs ikunu aktar effiċjenti.
 
Is-seminar ġie introdott minn Ivica Tolić, Membru tal-Parlament Ewropew, Karen Hill, Direttur ta' SIGMA, u Laetitia Veriter, Direttur ta' Ċittadini għall-Ewropa. Is-Sur Tolić ippreżenta l-istat tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li s-Sinjura Hill ipprovdiet il-perspettiva ta' SIGMA dwar l-interazzjoni maċ-ċittadini u l-esperjenzi li nkisbu f'dan ir-rigward. Is-Sinjura Veriter tenniet il-ħtieġa li jiġu esplorati modi possibbli biex iċ-ċittadini jiġu involuti fl-awditjar pubbliku.
 
Fid-diskussjoni li saret wara fil-panel bejn Charles Deguara, Awditur Ġenerali ta' Malta, Kay Scheller, President tas-SAI tal-Ġermanja, u Klaus-Heiner Lehne, President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, issemmew l-esperjenzi pożittivi u l-limitazzjonijiet relatati mal-interazzjoni tas-SAIs maċ-ċittadini. Il-parteċipanti qablu li, biex jiġi mmobilizzat il-potenzjal sħiħ tal-interazzjoni maċ-ċittadini, is-SAIs iridu jinvestu aktar fil-bini ta' relazzjonijiet.
 
It-tieni jum tal-laqgħa kien iddedikat għal rappurtar dwar l-attivitajiet tal-Kumitat ta' Kuntatt li qed isiru bħalissa u dawk li ġew ikkompletati reċentement, kif ukoll għal awditi relatati mal-UE li twettqu mis-SAIs tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Italja u tal-Polonja.
 
Fi tmiem il-laqgħa, il-Presidenza tal-Kumitat ta' Kuntatt ingħaddiet lill-President tas-SAI tal-Polonja, li se tospita l-laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt 2019 f'Varsavja.