No
​Laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea, Varsavja, is-27 u t-28 ta' Ġunju 2019
 
 

Il-laqgħa annwali tal-Kumitat ta' Kuntatt kienet ospitata mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tal-Polonja (NIK), u ppreseduta mill-President Krzysztof Kwiatkowski. Għal-laqgħa attendew ukoll – fil-kapaċità ta' osservaturi – il-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tal-pajjiżi kandidati u r-rappreżentanti ta' SIGMA.

L-element ċentrali tal-laqgħa kien is-seminar intitolat “Digital Europe: Challenges and Opportunities for EU SAIs" (Ewropa Diġitali: Sfidi u Opportunitajiet għas-SAIs tal-UE), li kien ippresedut minn Tytti Yli-Viikari, Awditur Ġenerali tal-Finlandja. Fil-kuntest tal-prijorità tal-Kummissjoni Ewropea li timplimenta Strateġija għal Suq Uniku Diġitali, inkluża Aġenda Diġitali għall-Ewropa, u tal-ħtieġa dejjem akbar biex is-SAIs jużaw għodod diġitali bħala appoġġ għall-proċessi tal-awditjar, is-seminar ipprovda opportunità biex jiġi diskuss ir-rwol tas-SAIs tal-UE f'dak li jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni ġiet introdotta minn Marek Zagórski, il-Ministru Pollakk għall-Affarijiet Diġitali, Michał Boni, MEP mill-2014 sal-2019, u Małgorzata Nikowska mid-DĠ CNECT tal-Kummissjoni, li ppreżentaw is-suġġett mill-perspettiva ta' Stat Membru (il-Polonja), taċ-ċittadini u tal-Kummissjoni, rispettivament.

Is-seminar kien segwit minn żewġ panels ta' diskussjoni. Il-parteċipanti fl-ewwel panel kienu Janar Holm (President tas-SAI tal-Estonja), Charles Deguara (mis-SAI ta' Malta), Stefan Lundgren (mis-SAI tal-Iżvezja) u Tomaž Vesel (mis-SAI tas-Slovenja), li ddiskutew l-isfidi u l-opportunitajiet tal-awditi tal-prestazzjoni relatati ma' programmi nazzjonali u dawk tal-UE fl-oqsma tal-gvern elettroniku u taċ-ċibersigurtà. Id-dibattitu enfasizza l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq ix-xogħol tas-SAIs, li qed iwettqu dejjem aktar awditi tal-IT.

Id-diskussjoni tat-tieni panel, li kien ippresedut minn Manfred Kraff (Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea) indirizzat, fost affarijiet oħra, l-użu ta' riżorsi diġitali fl-awditi. Il-parteċipanti fil-panel kienu Vítor Caldeira (mis-SAI tal-Portugall), Kay Scheller (mis-SAI tal-Ġermanja), Arno Visser (mis-SAI tan-Netherlands) u Tytti Yli-Viikari (mis-SAI tal-Finlandja). Dan il-panel ippreżenta eżempji ta' prassi tajba fil-forma ta' approċċi, strateġiji u għodod innovattivi li għandhom il-potenzjal li jgħinu lis-SAIs biex jiżguraw li l-awditi tagħhom jipprovdu valur miżjud.

Is-SAIs tal-UE jikkontribwixxu għas-suċċess tad-diġitalizzazzjoni billi jeżerċitaw il-mandati tagħhom u billi jinkorporaw għodod u soluzzjonijiet diġitali fix-xogħol tagħhom fejn ikun xieraq. Il-Kumitat ta' Kuntatt ikkonkluda li, biex iwettqu l-parti tagħhom fil-proċess, is-SAIs tal-UE huma mistiedna li:

  • jawditjaw l-attivitajiet u l-kapaċitajiet rilevanti fl-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni;
  • jiżguraw li d-dritt tas-SAIs li jkollhom aċċess għal informazzjoni u data rilevanti ma jiġix imminat b'konsegwenza tad-diġitalizzazzjoni;
  • jiżguraw l-istat ta' tħejjija diġitali tas-SAIs għat-twettiq ta' dawn l-awditi billi jinvestu f'teknoloġiji, ideat u riżorsi umani;
  • jottimizzaw l-approċċi u l-proċeduri tal-awditjar tas-SAIs kif meħtieġ, u
  • jużaw il-komunikazzjoni diġitali fit-tentattiv tagħhom li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għas-soċjetà ċivili u jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati, fejn ikun rilevanti, fil-proċess tax-xogħol tagħhom.

 
Fit-tieni jum tal-laqgħa, il-Kumitat ta' Kuntatt ħa nota tar-riżultati tal-attivitajiet imwettqa mill-korpi ta' ħidma tiegħu, ta' attivitajiet oħra ppjanati u tal-eżitu tal-awditu internazzjonali dwar il-kwalità tal-arja (ikkoordinat min-NIK u mis-SAI tan-Netherlands), kif ukoll tal-awditu dwar l-infrastruttura tal-ICT fis-settur pubbliku (is-SAI tal-Latvja).

Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta' Kuntatt, li se ssir f'Ottubru 2020, se tkun ospitata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.