​​

Laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Lussemburgu, fit-3 u l-4 ta' Mejju 2022​

​​CC_2022_Logo.png

Il-laqgħa annwali tal-2022 tal-Kumitat ta' Kuntatt kienet ippreseduta u ospitata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fil-Lussemburgu. Ir-rappreżentanti ta' SIGMA u tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tal-pajjiżi kandidati attendew għal-laqgħa bħala osservaturi attivi .

Din kienet l-ewwel laqgħa fiżika tal-kapijiet tas-SAIs tal-UE mill-2019 'il hawn, għalkemm kien seħħ avveniment online ta' livell għoli f'Novembru 2021. Id-diskussjoni prinċipali ffukat fuq il-kompiti strateġiċi u l-isfidi għas-SAIs tal-UE fil-valutazzjoni tal-valur (miżjud) tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) fil-livell tal-UE u f'daknazzjonali. Fid-diskors ewlieni tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kap tat-Task Force għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Céline Gauer, ippreżentat it-tnedija li għadha għaddejja tal-RRF u l-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħha. Hija indikat ukoll sfidi ġenerali u futuri u ġibdet l-attenzjoni għall-opportunitajiet potenzjali li joffri dan l-istrument il-ġdid.

Is-sessjoni kienet tinkludi wkoll preżentazzjonijiet minn Ioannis Sarmas (SAI tal-Greċja), Mauro Orefice (SAI tal-Italja), Bart Andriessens (SAI tal-Belġju), Kay Scheller (SAI tal-Ġermanja), Mindaugas Macijauskas (SAI tal-Litwanja), Rolands Irklis (SAI tal-Latvja) u Sami Yläoutinen (SAI tal-Finlandja) dwar ix-xogħol tal-awditjar iffinalizzat, dak li għadu għaddej u dak ippjanat b'rabta mal-RRF, u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza rispettivi tagħhom. Huma koprew varjetà ta' suġġetti u aspetti, li jvarjaw minn tipi differenti ta' awditi u approċċi metodoloġiċi għal kwistjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta' politika rilevanti u kwistjonijiet aktar tematiċi u trażversali bħal ittaggjar ekoloġiku, proċeduri ta' akkwist u riskji finanzjarji/baġitarji.

Matul id-diskussjonijiet li rriżultaw, immoderati minn Helena Lindberg (SAI tal-Iżvezja), Arno Visser (SAI tan-Netherlands) u Ivana Maletić (Membru tal-QEA), il-parteċipanti ttrattaw sensiela ta' kwistjonijiet kumplessi, bħall-komplementarjetà u l-valur miżjud tal-RRF, il-finanzjament nazzjonali, l-obbligu ta' rendikont u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u r-rwol speċjali tas-SAIs bħala istituzzjonijiet indipendenti fl-oqfsa ta' kontroll u tal-awditjar. Ibbażat fuq is-sejbiet inizjali tagħhom, is-SAIs enfasizzaw l-importanza tat-tqegħid fis-seħħ ta' sistemi ta' kontroll u ta' monitoraġġ xierqa.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, sessjoni speċjali kienet iddedikata għall-bidla fundamentali kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna. Valeriy Patskan, il-President tal-Awla tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna, indirizza l-udjenza permezz ta' vidjo u rrapporta dwar is-sitwazzjoni f'pajjiżu. Huwa esprima x-xewqat u t-tama tiegħu għal wara l-gwerra, meta l-kooperazzjoni mas-sħab tal-Lvant tal-Ukrajna tkun meħtieġa biex jerġa' jinbena u jiġi riformat l-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kumitat ta' Kuntatt għar-reazzjoni rapida tiegħu b'appoġġ għall-kawża Ukrena.

It-tieni parti tas-sessjoni speċjali kienet introdotta minn Nathalie Tocci, Direttur tal-Istituto Affari Internazionali u eks konsulent speċjali għar-Rappreżentanti Għolja tal-UE Josep Borrell u Federica Mogherini. Is-Sa Tocci eżaminat id-diversi elementi li wasslu għall-invażjoni tal-Ukrajna u l-perspettivi differenti li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Hija enfasizzat l-importanza ta' approċċ aktar komprensiv/olistiku għall-awtonomija u s-sigurtà tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li tiffaċċja l-UE, kemm jekk ikunu konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra fl-Ukrajna jew it-tibdil fil-klima.

Il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat ta' Kuntatt se tiġi ospitata u ppreseduta mis-SAI tal-Portugall fl-2023.