No
​Laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u l-QEA, il-Lussemburgu, il-15 sas-17 ta' Ottubru 2014
 
Il-laqgħa annwali 2014 tal-Kumitat ta’ Kuntatt ġiet ippreseduta u ospitata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fil-Lussemburgu. Il-kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tal-Albanija, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro, tas-Serbja u tat-Turkija, kif ukoll rappreżentanti tas-Segretarjat tal-EUROSAI u s-SIGMA, attendew il-laqgħa bħala osservaturi attivi.
 
Is-suġġett prinċipali ta' diskussjoni tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt kien it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu. Il-Kumitat ta’ Kuntatt qabel li kien hemm benefiċċji fl-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet għal aktar kooperazzjoni, u bħala l-ewwel pass stabbilixxa mekkaniżmu ta’ twissija bikrija biex jimmonitorja l-iżviluppi tal-UE, jinforma lill-membri tas-SAIs tiegħu dwarhom u jipproponi azzjoni xierqa.
 
Il-Kapijiet tas-SAIs qablu wkoll li l-kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi estiża għal attivitajiet tal-awditjar konkreti, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja ta’ politiki u miżuri tal-UE implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Se jiġu żviluppati proposti għal tisħiħ fil-kooperazzjoni tal-awditjar, notevolment fl-oqsma tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-unjoni bankarja.
 
Żewġ kelliema mistednin ġew mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar is-suġġetti diskussi. Is-Sur Šoltes, il-Viċi President tal-Kumitat CONT tal-Parlament Ewropew u r-relatur permanenti għar-relazzjonijiet mal-QEA, ippreżenta r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014, notevolment it-taqsima tagħha dwar il-kooperazzjoni bejn is-SAIs nazzjonali u l-QEA. Huwa laqa’ l-fatt li diġà kien sar progress sinifikanti fuq ħafna mill-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni msemmija fir-riżoluzzjoni, għalkemm kien hemm lok għal komunikazzjoni aħjar lill-Parlament Ewropew. Is-Sur Nunes de Almeida, id-Direttur għall-Akkwist Pubbliku tad-DĠ MARKT tal-Kummissjoni Ewropea, ikkontribwixxa għad-diskussjoni fis-sessjoni li fiha l-QEA ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-ewwel rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni.
 
Il-laqgħa li jmiss – li se tiġi ospitata u ppreseduta mill-Uffiċju tal-Awditjar tal-Istat tal-Latvja f’Ġunju 2015 – se tagħti l-opportunità lill-kapijiet tas-SAIs li jagħtu segwitu għad-deċiżjonijiet meħuda fil-Lussemburgu.