Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri – l-għassies finanzjarju tal-UE – hija waħda mit-tmien istituzzjonijiet u korpi parteċipanti fil-korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi li llum iffirmaw il-ftehim fundatur fi Brussell. Il-korp il-ġdid se jsaħħaħ l-integrità, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell Ewropew. L-awdituri esterni tal-UE preċedentement kienu appellaw għal tali azzjoni f’rapport speċjali tal-awditjar ippubblikat fl-2019 dwar l-oqfsa etiċi tal-akbar istituzzjonijiet tal-UE u ta’ dawk li jfasslu l-politika.

Il-ftehim dwar il-korp tal-etika ntlaħaq minn tmien istituzzjonijiet u korpi tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-korp se jiżviluppa, jaġġorna u jinterpreta standards minimi komuni għal imġiba etika, u jippubblika rapporti dwar kif dawn l-istandards ġew riflessi fir-regoli interni ta’ kull firmatarju. Dan huwa pass sinifikanti lejn it-trawwim ta’ kultura komuni ta’ integrità u etika, inklużi standards etiċi minimi komuni li għandhom jiġu żviluppati minn korp interistituzzjonali.

Filwaqt li l-proposta inizjali tressqet mill-Kummissjoni, l-inizjattiva ssegwi r-rapport tal-QEA tal-2019, li fih l-awdituri rrakkomandaw li jittejbu l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Ir-rapport ħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet awditjati biex jaħdmu flimkien ħalli jarmonizzaw kwistjonijiet relatati mal-etika, u jagħmlu aktar sforzi mhux biss biex jikkondividu prattiki tajbin, iżda wkoll biex itejbu s-sensibilizzazzjoni dwar l-etika u l-kultura tal-etika u l-perċezzjoni tagħhom.

Il-President tal-QEA Tony Murphy: “Il-prinċipji tal-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-etika huma pilastri indispensabbli tal-Unjoni tagħna, u huma essenzjali għall-governanza demokratika, leġittima u effettiva tagħha. Din l-inizjattiva interistituzzjonali turi li hemm impenn biex naħdmu flimkien lejn kultura komuni dwar l-etika, li se tkompli żżid ukoll il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-Membru tal-QEA George Marius Hyzler, negozjatur ewlieni: “Ninsabu kuntenti ħafna li n-negozjati taw il-frott. B’mod partikolari, aħna sodisfatti li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-QEA għall-armonizzazzjoni tal-istandards u l-kooperazzjoni msaħħa kkontribwew għal dan l-iżvilupp importanti, li se jwitti t-triq għall-istabbiliment ta’ standards etiċi komuni.

Informazzjoni ġenerali

L-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-Korp se jkunu rrappreżentati minn membru superjuri wieħed. Il-presidenza tal-Korp se tiġi fdata lill-istituzzjonijiet abbażi ta’ rotazzjoni annwali. Ħames esperti indipendenti se jappoġġaw il-ħidma tal-Korp, u jistgħu jiġu kkonsultati minn kwalunkwe parti għall-ftehim fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi jew dikjarazzjonijiet standardizzati bil-miktub oħra.

Għal aktar informazzjoni dwar il-qafas istituzzjonali tal-UE, ara l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; għal informazzjoni dwar il-qafas etiku tal-QEA, ara s-sit web tal-QEA.

L-awdituri jissieħbu fil-Korp tal-Etika tal-UE l-ġdid li ġie stabbilit illum