Special report|20d56233-5179-449f-93ac-6c9e8f3787cb
-->
Rapport Speċjali Nru 01/2019: Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni

Maltese icpdf.png 3 MB
10/01/2019

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mill-frodi hija responsabbiltà ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea. Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, l-Aġenziji eżekuttivi u l-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jaħdmu ma’ għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet oħra, inklużi mal-awtoritajiet fl-Istati Membri u mal-futur Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

F’dan l-awditu aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni hijiex qed timmaniġġja b’mod xieraq ir-riskju ta’ attivitajiet frodulenti li huma ta’ detriment għall-baġit tal-UE. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma għandhiex data komprensiva u kumparabbli dwar il-livell ta’ frodi identifikata fl-infiq tal-UE. Barra minn hekk, sa issa hija għadha ma wettqet l-ebda valutazzjoni tal-każijiet ta’ frodi mhux identifikata, lanqas ma wettqet analiżi dettaljata ta’ x’iwassal lill-operaturi ekonomiċi biex jinvolvu lilhom infushom f’attivitajiet frodulenti. Dan inaqqas il-valur prattiku u l-effettività tal-pjanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mill-frodi.

Is-sistema attwali, fejn investigazzjoni amministrattiva tal-OLAF f’każ ta’ frodi suspettata tiġi segwita minn investigazzjoni kriminali fil-livell nazzjonali, tieħu wisq fit-tul f’għadd konsiderevoli ta’ każijiet u b’hekk titnaqqas il-possibbiltà li sseħħ il-prosekuzzjoni. Barra minn hekk, ir-rapporti finali tal-OLAF ħafna drabi ma jipprovdux informazzjoni suffiċjenti biex jinbeda l-irkupru ta’ fondi żborżati indebitament. Inqas minn nofs l-investigazzjonijiet tal-OLAF wasslu għall-prosekuzzjoni ta’ frodaturi suspettati u rriżultaw fl-irkupru ta’ inqas minn terz ta’ fondi tal-UE li tħallsu indebitament.