Special report|20d56233-5179-449f-93ac-6c9e8f3787cb
-->
Rapport Speċjali Nru 03/2019: Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex il-FEIS ikun suċċess totali

Maltese icpdf.png 2 MB
29/01/2019

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jikkontribwixxi għall-finanjzament ta’ investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin bħall-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Huwa jieħu l-forma ta’ garanzija baġitarja tal-UE li tingħata lill-Grupp tal-BEI. L-għan tal-FEIS huwa li jippermetti li l-BEI u l-FEI jipprovdu finanzjament addizzjonali għal proġetti eliġibbli fl-UE u li jimmobilizza investiment privat u pubbliku addizzjonali għal dawn il-proġetti.

Aħna kkonkludejna li l-FEIS għen lill-BEI biex jipprovdi aktar fondi b’riskju ogħla għal investimenti, iffinanzja ħafna proġetti ta’ investiment li kieku ma kinux jitwettqu mingħajru, attira investiment pubbliku u privat addizzjonali għal dawn il-proġetti u appoġġa investimenti f’ħafna setturi ta’ politika fl-UE.

Madankollu, aħna sibna li parti mill-appoġġ tal-FEIS sempliċement issostitwixxa fondi oħra mill-BEI u mill-UE, parti mill-finanzjament mar għal proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku jew privat, l-istimi rigward l-investiment addizzjonali attirat mill-FEIS xi kultant ġew iddikjarati b’mod eċċessiv, u l-biċċa l-kbira mill-investimenti marru fi ftit mill-Istati Membri l-kbar tal-EU-15 li għandhom banek promozzjonali nazzjonali stabbiliti sew.