No
No
 

Il-QEA hija korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru.

Il-Membri tal-QEA u l-persunal tagħha inkarigat mill-awditjar huma mqassma f’ħames awli tal-awditjar.

L-awli, li huma mmexxija minn Dekan elett, jadottaw rapporti speċjali, rapporti analitiċi, rapporti annwali speċifiċi u opinjonijiet. Huma jipproduċu wkoll ir-rapporti annwali tal-QEA dwar il-baġit tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, li jiġu adottati mill-kulleġġ fl-intier tiegħu.

Il-kulleġġ intier ta’ 27 Membru jiltaqa’ madwar darbtejn fix-xahar.

Il-QEA għandha għadd ta’ kumitati li jieħdu deċiżjonijiet dwar ix-xogħol li twettaq u l-organizzazzjoni tagħha. Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar huwa magħmul mill-Membru għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar, li jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat, u minn Membru wieħed minn kull awla. Huwa jieħu deċiżjonijiet dwar il-politiki, l-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar tal-QEA.

Il-Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mill-President tal-QEA, id-Dekani tal-awli, il-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Membru għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar. Huwa jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni, l-istrateġija, il-programm ta’ ħidma u l-komunikazzjoni.

Il-President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija mmexxija minn President, li huwa Membru elett mill-kulleġġ biex iservi bħala “l-ewwel fost il-pari” għal terminu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Il-President jippresjedi l-laqgħat tal-Qorti, jiżgura li l-istituzzjoni u l-attivitajiet tagħha jiġu mmaniġġjati tajjeb, u jirrappreżenta lill-Qorti fir-relazzjonijiet esterni tagħha, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtorità tal-kwittanza.

Il-Membri

Kull Stat Membru jinnomina kandidat biex iservi bħala Membru tal-QEA. Il-Membri jiġu formalment maħtura mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Huma jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Jagħmlu dikjarazzjoni solenni li jwettqu d-dmirijiet tagħhom f’indipendenza kompleta u fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Membri jiġu assenjati f'waħda mill-ħames awli tal-awditjar. Huma responsabbli biex imexxu l-awditi u jiggwidaw ir-rapporti matul il-proċedura ta’ adozzjoni fil-livell tal-awla jew tal-kulleġġ. Meta rapport jiġi adottat, il-Membru jippreżentah lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna bħall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u lill-media.

Billi l-kulleġġ ta’ 27 Membru huwa l-ogħla korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-QEA, il-Membri għandhom ukoll is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa’.

Is-Segretarju Ġenerali

Is-Segretarju Ġenerali huwa l-ogħla uffiċjal pubbliku tal-QEA, u jinħatar mill-Qorti għal perjodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Is-Segretarju Ġenerali huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-persunal u mill-amministrazzjoni tal-QEA.

Is-Segretarju Ġenerali huwa responsabbli wkoll mis-segretarjat tal-Qorti, id-dipartiment tal-QEA li jimmaniġġja r-rekords u l-proċeduri interni tal-istituzzjoni. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Uffiċjal għas-Sigurtà tal-Informazzjoni wkoll jagħmlu parti mis-Segretarjat Ġenerali.

Il-persunal tal-QEA

Il-QEA għandha madwar 900 membru tal-persunal. Il-biċċa l-kbira minnhom huma awdituri, iżda ħafna oħrajn jaħdmu fit-traduzzjoni u fl-amministrazzjoni ġenerali.

Il-persunal inkarigat mill-awditjar għandu firxa wiesgħa ta’ kwalifiki u esperjenza professjonali kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi fil-kontabbiltà, l-awditjar intern u estern, il-liġi u l-ekonomija. It-tradutturi tal-QEA jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.

Il-QEA tħaddem ċittadini mill-Istati Membri kollha tal-UE. Bħala uffiċjali pubbliċi tal-UE, il-membri tal-persunal tal-QEA huma suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE. Il-QEA tħaddem għadd kważi ndaqs ta’ rġiel u nisa.

Il-QEA hija kburija mill-fatt li mill- ’il hawn hija rnexxielha tibni forza tax-xogħol iddedikata, professjonali u ta’ esperjenza, li l-għan speċifiku tagħha huwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.