No
No

L-Unjoni Ewropea hija impenjata favur il-ħarsien tal-ambjent fid-dinja kollha, u dan l-impenn jinkludi l-politika ambjentali fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha. Bħala istituzzjoni tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) għandha d-dmir li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli billi tapplika l-prinċipji ta' ġestjoni ambjentali tajba fix-xogħol tagħha ta' kuljum.

Politika ambjentali

Fit-28 ta’ Novembru 2014, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri adottat l-ewwel politika ambjentali tagħha. Il-politika ġiet aġġornata fl-2025: din issa tieħu kont tal-progress u l-kisbiet li kien hemm wara dawn l-aħħar 10 snin li fihom ġiet applikata sistema — ta’ kwalità għolja — biex jiġi mmaniġġjat l-ambjent.

Permezz ta’ din il-politika, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri timpenja ruħha li:

  • tnaqqas l-impatt ambjentali tax-xogħol ta’ kuljum sal-inqas livell;
  • ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali kontinwament;
  • tikkonforma mal-leġiżlazzjoni u l-obbligi kollha li jkunu rilevanti għall-ambjent.

Standard ambjentali ISO 14001:2015

ISO 14001 Certified  

Il-QEA tikkonforma mar-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni tal-istandard tal-kwalità li sar qbil dwaru fuq livell internazzjonali ISO 14001:2015 (Sistema ta' ġestjoni ambjentali) u għandha ċ-ċertifikazzjoni uffiċjali ISO 14001.

Skema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS)

EMAS Verified Environmental Management LU-000004  

Aħna nieħdu sehem fl-Iskema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), li hija għodda ta' ġestjoni għall-evalwazzjoni, ir-rappurtar dwar, u t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet. Ksibna r-reġistrazzjoni tal-EMAS f'Marzu 2017, u noperaw b'suċċess f'sistema ta' ġestjoni ambjentali f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-EMAS, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1505, u mal-ISO 14001.

Għal aktar informazzjoni, nitolbuk tara d-dikjarazzjoni ambjentali tal-QEA, ivvalidata minn verifikatur akkreditat, li fiha nippreżentaw ir-riżultati tal-prestazzjoni ambjentali tagħna u l-pjanijiet futuri għal titjib.

Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impronta tal-karbonju

Fl-2014, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri stabbiliet l-ewwel bilanċ tal-karbonju tagħha li l-iskop tiegħu huwa li jkejjel l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha, bil-ħsieb li tnaqqas b’mod sistematiku l-emissjonijiet tas-CO2 tagħha.

Dan il-bilanċ, li jiġi rivalutat u ppubblikat kull sena, għandu l-għan li jimmonitorja l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istituzzjoni tagħna biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha.

Bħalissa l-Qorti qed tiżviluppa pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, bil-ħsieb li tikkonforma mal-objettivi stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Links relatati: