No
No

​Ir-relazzjonijiet tal-QEA mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill


Il-QEA tgħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala l-awtoritajiet baġitarji u ta’ kwittanza li jeżerċitaw kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

Il-pedamenti legali tar-relazzjonijiet tal-QEA mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-UE (il-Kunsill) huma stabbiliti fl-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont it-TFUE, il-QEA "tassisti l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-estimi" tal-UE.

Bħala l-awditur estern indipendenti tal-UE, aħna neżaminaw il-kontijiet tad-dħul u tal-infiq tal-Unjoni u nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Nippreżentaw ukoll osservazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar suġġetti speċifiċi fil-forma ta’ rapporti speċjali, rapporti analitiċi u opinjonijiet.

Meta nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-esperti tagħna, aħna ngħinu lill-awtoritajiet baġitarji tal-UE biex jiddeterminaw jekk il-fondi tal-Unjoni jkunux inġabru u ntefqu b’mod korrett, u nagħtuhom appoġġ biex jimmonitorjaw jekk il-baġit tal-UE jiksibx valur għall-flus.

Relazzjonijiet istituzzjonali

Matul is-sena finanzjarja, il-QEA żżomm djalogu attiv mal-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li tippreżerva l-imparzjalità tagħha bħala l-awditur estern indipendenti tal-UE.

It-twassil tas-sejbiet tal-awditjar u tar-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament u lill-Kunsill b’mod ċar u f'waqtu huwa prijorità ewlenija għalina. Id-djalogu interistituzzjonali jippermetti li xogħolna jkollu impatt pożittiv fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-UE u jippermettilna nappoġġaw lil-leġiżlaturi tal-UE fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza u fix-xogħol leġiżlattiv.

It-tim tar-Relazzjonijiet Istituzzjonali tad-Direttorat tal-Presidenza (DOP) jimmaniġġja u jikkoordina r-relazzjonijiet tal-QEA mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-responsabbiltà formali għar-relazzjonijiet esterni tal-QEA, partikolarment relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, hija f’idejn il-President tal-QEA. Il-President jista’ jiddelega kompiti lill-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali (MIR), li l-mandat tiegħu huwa li jiffaċilita kuntatti usa’ u aktar profondi bejn il-QEA u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE.

Ikkuntattja t-tim tar-Relazzjonijiet Istituzzjonali:

Relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew

European Parliament
Parlament Ewropew - © għall-Unjoni Ewropea
Ħajr għar-ritratti: EP/Genevieve ENGEL

Ix-xogħol tal-QEA huwa utli għall-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew, kif ukoll għal ħafna strutturi parlamentari oħra bħad-delegazzjonijiet interparlamentari u l-gruppi politiċi. Kull sena, aħna nippreżentaw xogħolna lil diversi kumitati tal-Parlament Ewropew u strutturi parlamentari oħra.

Is-sieħeb ewlieni tal-QEA fil-Parlament Ewropew huwa l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT). Il-CONT huwa responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Parlament mal-QEA, ifassal l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tal-Membri tagħna, u jqis ir-rapporti tagħna.

Il-CONT huwa responsabbli wkoll mill-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u l-istituzzjonijiet u l-korpi ffinanzjati mill-UE. Fih innifsu, il-CONT għandu rwol ewlieni fil-proċedura annwali ta’ kwittanza. Billi x-xogħol tal-awditjar tagħna jservi bħala bażi għall-proċess ta’ kwittanza, il-CONT u l-QEA jikkollaboraw mill-qrib matul is-sena finanzjarja. Il-CONT huwa responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-kosteffettività tal-finanzjament tal-UE fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. B’hekk, il-biċċa l-kbira mir-rapporti speċjali u r-rapporti analitiċi tagħna jiġu ppreżentati lill-CONT, filwaqt li x-xogħol li nwettqu fir-rigward tal-prestazzjoni qiegħed dejjem aktar jiġi ppreżentat lil varjetà ta’ kumitati settorjali oħra tal-PE, li jiddiskutuh.

Relazzjonijiet mal-Kunsill

European Council
Kunsill Ewropew - © għall-Unjoni Ewropea

Ix-xogħol tal-QEA huwa rilevanti għal ħafna korpi preparatorji tal-Kunsill. Aħna nippreżentaw ir-rapporti speċjali tagħna lill-korpi preparatorji tal-Kunsill li huma kompetenti għall-qasam tas-suġġett ikkonċernat.

Il-kontroparti prinċipali tal-QEA fil-Kunsill hija l-Kumitat tal-Baġit, li jittratta l-proċedura baġitarja annwali tal-UE, inkluża l-kwittanza. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Baġit huwa responsabbli mix-xogħol leġiżlattiv kollu fil-qasam tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE, inkluż ir-regolament finanzjarju.

Il-Kunsill jaħtar il-Membri tal-QEA, wara n-nomina tagħhom mill-Istati Membri rispettivi u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 286 tat- TFUE.

Relazzjonijiet mal-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri


Is-sejbiet tal-awditjar u r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA jistgħu jgħinu lill-Istati Membri bit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tajba tal-finanzi tal-UE u mal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

Il-Membri tal-QEA jżommu kuntatt mal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom. Il-kuntatti ewlenin tal-QEA fil-livell tal-Istati Membri jinkludu ministeri u kumitati parlamentari għall-affarijiet tal-UE, il-finanzi u l-kontijiet pubbliċi.

It-tim tal-QEA għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali jikkollabora mar-Rappreżentanti tal-Parlamenti Nazzjonali fil-Parlament Ewropew.

Proċedura ta’ kwittanza

Kull sena, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddeċiedu jekk japprovawx jew "jagħtux kwittanza" għall-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea f’sena partikolari. Dan il-proċess huwa magħruf bħala l-proċedura ta’ kwittanza annwali.

President of the European Court of Auditors
Ħajr għar-ritratti: Multimedia Centre tal-PE

Biex tappoġġa lill-Parlament u lill-Kunsill f’xogħolhom bħala l-awtoritajiet baġitarji tal-UE, il-QEA tipprovdi liż-żewġ istituzzjonijiet b’rapporti annwali, li jinkludu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni rigward l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u l-legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi.

Kull ħarifa, il-proċedura ta’ kwittanza tiġi mnedija b’mod uffiċċjali meta l-President tal-QEA jippreżenta r-rapport annwali lill- CONT fil-Parlament Ewropew fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu. B'segwitu għal dan, il-President tal-QEA jippreżenta r-rapport annwali lill-Parlament kollu kemm hu f’sessjoni plenarja.

Fil-Kunsill, il-proċedura ta' kwittanza tibda bil-preżentazzjoni mill-President tal-QEA tar-rapport annwali lill-Kunsill Ekonomiku u Finanzjarju (ECOFIN).

Il-CONT jorganizza seduti ta’ smigħ pubbliċi għal kull qasam ta' politika ewlieni tal-UE, li jkopru l-istituzzjonijiet u korpi kollha tal-UE. Il-Membri relaturi tal-QEA jieħdu sehem f’dawn is-seduti ta’ smigħ dwar il-kwittanza, fejn jippreżentaw id-diversi kapitoli tar-rapport annwali tal-QEA, kif ukoll ir-rapporti speċjali u r-rapporti analitiċi rilevanti.

Ħajr għar-ritratti: Helena Piron/il-QEA

B’mod parallel mas-seduti ta’ smigħ tal-Parlament dwar il-kwittanza, it-timijiet tal-awditjar tal-QEA jippreżentaw il-kapitoli korrispondenti tar-rapport annwali tagħhom lill-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill. Ibbażat fuq ir-rapport annwali tal-QEA, il-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill jipprepara abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ kwittanza, li jippreżenta lill-Kumitat CONT tal-Parlament Ewropew.

Abbażi tas-seduti ta’ smigħ pubbliċi organizzati fil-laqgħat tal-kumitat CONT, il-CONT jipprepara rapporti ta’ kwittanza li jkopru kull qasam ta' politika ewlieni u istituzzjoni. Ir-rapporti ta’ kwittanza tal-CONT imbagħad jitqiesu fid-dibattitu dwar il-kwittanza fil-plenarja, li matulu l-Kunsill jippreżenta wkoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kwittanza tiegħu. Il-Parlament jistieden lill-President tal-QEA biex jieħu sehem f’dan id-dibattitu pubbliku dwar il-kwittanza, flimkien mal-Kummissarju inkarigat mill-baġit tal-UE.

Fis-sessjoni plenarja, il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew jivvutaw biex jiddeterminaw jekk il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE għandhomx jingħataw kwittanza għall-eżekuzzjoni tagħhom tal-baġit tal-UE.

Wara l-vot, il-President tal-Parlament jiffirma r-riżoluzzjonijiet dwar il-kwittanza. Meta l-Parlament jagħti l-kwittanza, dan iwassal għall-għeluq formali tal-kontijiet tal-istituzzjoni għas-sena kkonċernata. F’każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ kwittanza għal istituzzjoni jew korp partikolari tal-UE , id-deċiżjoni tiġi posposta għall-ħarifa li jmiss.

Sakemm tiġi konkluża l-proċedura ta' kwittanza, il-proċedura li jmiss tkun diġà bdiet. Bl-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet baġitarji u ta’ kwittanza tal-UE – jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill – fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom ta’ kontroll rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, il-QEA taqdi rwol kruċjali fis-sostenn ta’ Unjoni finanzjarjament soda u responsabbli.

Bħall-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kollha tal-UE ffinanzjati mill-baġit tal-UE, il-QEA wkoll hija suġġetta għall-proċedura ta’ kwittanza. Kull sena, il-PE u l-Kunsill jiskrutinizzaw il-kontijiet annwali u l-attivitajiet tal-QEA matul is-sena finanzjarja kkonċernata, flimkien mar-rapport tal-awditur indipendenti, u jsegwu l-proċedura ta’ kwittanza normali. Il-CONT jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-QEA għal seduta ta’ smigħ pubblika dwar il-kwittanza biex jiskambja fehmiet u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat.

Ħoloq relatati

ECA-InstitutionalRelations@eca.europa.eu