Nawditjaw il-finanzi tal-UE, kompitu kruċjali biex jitjiebu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini. Neżaminaw id-dħul u l-infiq f’kull qasam tax-xogħol tal-UE, mit-tkabbir u l-impjiegi sal-politika ambjentali u l-azzjoni klimatika.
Intejbu l-obbligu ta’ rendikont pubbliku fl-UE
Xogħolna jgħin lill-istituzzjonijiet oħra tal-UE u lill-Istati Membri biex jimmaniġġjaw u jissorveljaw aħjar l-użu tal-fondi tal-UE. Xogħolna huwa partikolarment importanti għall-Parlament Ewropew meta jiddeċiedi jekk il-kontijiet tal-UE għas-sena preċedenti humiex preċiżi u jekk il-fondi humiex qed jintefqu kif xieraq, proċess magħruf bħala l-“għoti tal-kwittanza”.
Inżommu lil dawk li jfasslu l-politiki tal-UE u liċ-ċittadini tagħha infurmati
Nipproduċu rapporti tal-awditjar rilevanti u awtorevoli li jagħtu kontribut importanti lejn kif l-UE tuża flusha u timplimenta l-politiki tagħha. Ir-rapporti tagħna jipprovdu valur miżjud għall-iżvilupp tal-politiki: jinfurmaw lil dawk li jfasslu l-politiki dwar oqsma fejn jeħtieġ li l-UE tmur aħjar fil-futur. Huma wkoll ċari u aċċessibbli, minħabba li nemmnu li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jifhmu faċilment x’sar bi flushom u jekk dawn intefqux bil-għaqal u f’konformità mar-regoli.
L-informazzjoni li tinsab fil-pubblikazzjonijiet tagħna, biss, qiegħda fid-dominju pubbliku. Biex nipproteġu r-relazzjoni professjonali bejn l-awditur u l-parti awditjata, aħna dejjem inżommu d-dokumenti ta’ sostenn u l-evidenza għall-awditjar kunfidenzjali.
Noħorġu rapporti u opinjonijiet tal-awditjar bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Fuq il-media soċjali tagħna nikkomunikaw bl-Ingliż.
Nikkooperaw mill-qrib ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra
Madwar 80 % tal-baġit tal-UE huwa mmaniġġjat b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, u l-Kummissjoni timplimenta ċerti fondi (eż. il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) taħt ġestjoni diretta mal-Istati Membri bħala benefiċjarji. L-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twaqqif ta’ sistemi ta’ superviżjoni u kontroll intern biex jiżguraw li l-fondi tal-UE jintefqu kif xieraq u skont ir-regoli. Minbarra x-xogħol li jitwettaq mill-QEA, ħafna SAIs fl-Istati Membri jawditjaw il-fondi Ewropej li huma mmaniġġjati u jintefqu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Naħdmu mill-qrib mal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar biex niżguraw li l-infiq mill-UE jiġi skrutinizzat bl-istess mod robust fl-UE kollha.
Ngħinu fit-twaqqif tal-istandards għall-awditjar tal-finanzi pubbliċi
Ħadna l-impenn li nkunu minn ta’ quddiem nett fl-iżviluppi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u fl-awditjar. F’forums bħall-INTOSAI, għandna rwol attiv fit-twaqqif ta’ standards tal-awditjar.
Nagħmlu impatt b’xogħolna
Xogħolna għandu impatt reali fuq il-mod li bih titmexxa l-UE. Dawk li jfasslu l-politiki fl-istituzzjonijiet l-oħra jsibu li r-rapporti tagħna huma utli, u r-reviżuri esterni konsistentement jagħtuhom rata ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni taċċetta u timplimenta kważi r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħna. U meta nerġgħu mmorru lura għal qasam tal-awditjar wara li r-rapporti tagħna jkunu ġew ippubblikati, insibu konsistentement li r-rakkomandazzjonijiet tagħna kellhom impatt pożittiv.
Nikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi
Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji li niltaqgħu magħhom fix-xogħol tagħna ma jkunux intenzjonati, u juru dgħufijiet fir-regoli stretti tal-baġit tal-UE. Kultant, madankollu, niltaqgħu ma’ xi ħaġa li ma tagħmilx sens. Bħala l-awditur estern tal-UE, il-QEA ma għandhiex mandat biex tinvestiga każijiet ta’ frodi suspettata fil-konfront tal-interessi finanzjarji tal-UE.
Meta nissuspettaw li ltqajna ma’ attività illegali, nirrappurtawha lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li huwa d-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni approfondita ta’ każijiet suspettati ta’ frodi u ta’ korruzzjoni. Kulħadd jista’ jirrapporta każijiet suspettati ta’ frodi lill-OLAF. Jekk trid tressaq xi ħaġa għall-attenzjoni tal-OLAF,
ikkuntattja lill-OLAF billi tikklikkja hawnhekk.
Links relatati