Aħna nwettqu l-awditi tagħna skont standards internazzjonali tal-awditjar u kodiċi internazzjonali tal-etika, li napplikaw għall-kuntest speċifiku tal-UE. Dawn l-istandards jgħinu biex jiżguraw il-kwalità u l-professjonaliżmu tax-xogħol li nwettqu, kif ukoll l-effiċjenza tiegħu. Nikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tal-istandards bħala parti mill-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali tagħna.
L-awditi tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni hija l-eżerċizzju annwali tagħna tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Fir-rapporti annwali tagħna, aħna nippubblikaw is-sejbiet, il-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tal-awditjar li jirriżultaw. L-awditu jinkludi l-ittestjar ta’ kampjun statistikament rappreżentattiv ta’ tranżazzjonijiet, u l-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll, biex jiġi ddeterminat jekk id-dħul u l-pagamenti humiex ikkalkulati b’mod korrett u jikkonformawx mal-qafas legali u regolatorju. Ittestjar dettaljat ikopri l-iskemi ta’ nfiq u l-Istati Membri kollha, u jintuża biex jiġu pprovduti valutazzjonijiet speċifiċi tal-oqsma differenti tal-baġit tal-UE. Aħna nużaw ukoll ix-xogħol ta’ awdituri oħra bħala evidenza li tappoġġa l-konklużjonijiet tagħna.
Awditi tal-prestazzjoni
Fl-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu, nindirizzaw il-kwalità tad-dħul jew tal-infiq tal-UE, u jekk il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba ġewx applikati. Huma jinvolvu eżaminar ta’ programmi, operazzjonijiet, sistemi ta’ ġestjoni u proċeduri ta’ korpi u ta’ istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw fondi tal-UE, biex jiġi vvalutat jekk humiex qed jiksbu ekonomija, effiċjenza u effettività fl-użu ta’ dawk ir-riżorsi. L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti b’fokus partikolari fuq kwistjonijiet relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, il-valur miżjud Ewropew, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima. Ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu, nippubblikawhom f’rapporti speċjali u niġbru flimkien is-sejbiet f’dan il-qasam f’rapport annwali dwar il-prestazzjoni.
L-awditjar tal-prestazzjoni jinvolvi l-valutazzjoni ta’ aspetti differenti tal-proċess ta’ intervent pubbliku, inklużi l-inputs (il-mezzi finanzjarji, umani, materjali, organizzazzjonali jew regolatorji li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm), l-outputs (ir-riżultati tanġibbli tal-programm), ir-riżultati (l-effetti immedjati tal-programm fuq destinatarji jew riċevituri diretti) u l-impatti (il-bidliet fuq terminu twil fis-soċjetà li jistgħu jiġu attribwiti għall-azzjoni tal-UE).
Standards
AWARE – metodoloġija u gwida
Aktar dettalji dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna jistgħu jinstabu fil-pjattaforma ta’ metodoloġija u gwida online tagħna
AWARE (Accessible Web-based Audit Resource for the ECA). AWARE tikkonsolida r-riżorsi tal-awditjar kollha tagħna f’għodda waħda li tista’ tiġi aċċessata faċilment, bħala appoġġ prattiku li l-awdituri tagħna jistgħu jużaw fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
AWARE tistabbilixxi l-prinċipji li nsegwu fix-xogħol li nwettqu, u tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu applikati fil-prattika, sabiex tinkiseb il-kwalità mistennija tal-output. Hija tipprovdi gwida dwar l-awditi finanzjarji, tal-konformità u tal-prestazzjoni li nwettqu kif ukoll dwar ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna.
Informazzjoni dwar kif AWARE hija organizzata(opens in new window) tista’ tinstab fil-pjattaforma nfisha.