Fir-Rapport Annwali 2018 tagħha, li ġie ppubblikat illum, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ikkonkludiet li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw “stampa vera u ġusta” tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Għat-tielet sena konsekuttiva, l-awdituri ħarġu opinjoni kwalifikata dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet. Dan jirrifletti l-fatt li parti sinifikanti mill-infiq tal-UE għall-2018 ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żbalji u li dawn l-iżbalji ma għadhomx pervażivi fl-oqsma ta’ nfiq kollha. Fl-istess ħin, l-awdituri jgħidu li għad hemm xi sfidi f’oqsma ta’ nfiq ta’ riskju għoli bħall-iżvilupp rurali u l-koeżjoni.
“Bis-saħħa tat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tagħha, l-UE issa qed tissodisfa l-istandards għoljin tal-obbligu ta’ rendikont u tat-trasparenza f’dak li jirrigwarda l-infiq ta’ fondi pubbliċi. Aħna nistennew li l-Kummissjoni l-ġdida u l-Istati Membri jsostnu dan l-isforz,” qal Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA. “Il-bidu ta’ terminu leġiżlattiv ġdid u ta’ perjodu ġdid ta’ programmazzjoni finanzjarja ġdid joħolqu tieqa ta’ opportunità. Jenħtieġ li dawk li jfasslu l-politika jaħtfu din l-opportunità biex jiffukaw il-politiki u l-infiq tal-UE fuq il-ksib ta’ riżultati u l-valur miżjud.”
Il-livell kumplessiv ta’ irregolaritajiet fl-infiq tal-UE baqa’ stabbli fi ħdan il-firxa osservata matul is-sentejn preċedenti. L-awdituri jistmaw li r-rata ta’ żball fl-infiq għall-2018 hija ta’ 2.6 % (2.4 % fl-2017 u 3.1 % fl-2016). L-iżbalji kienu jinstabu prinċipalment fl-oqsma ta’ nfiq ta’ riskju għoli fejn isiru pagamenti mill-baġit tal-UE għar-rimborż tal-ispejjeż li l-benefiċjarji jkunu ġarrbu, bħall-iżvilupp rurali u l-koeżjoni. Dawn l-oqsma ta’ nfiq huma suġġetti għal regoli kumplessi u għal kriterji ta’ eliġibbiltà, li jistgħu jwasslu għal żbalji.
Bil-wasla ta’ tmexxija ġdida fl-istituzzjonijiet tal-UE u b’segwitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’din is-sena, l-UE tinsab f’salib it-toroq importanti u trid tisfrutta dan il-momentum biex tikseb riżultati, jgħidu l-awdituri. Il-baġit tal-UE jirrappreżenta mhux aktar minn 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-Istati Membri kollha, għaldaqstant huwa essenzjali li l-infiq tal-UE mhux biss jikkonforma mar-regoli, iżda jwassal ukoll riżultati.
L-awdituri jiġbdu wkoll l-attenzjoni għall-isfidi relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-UE, li huma ta’ rilevanza partikolari għaċ-ċiklu baġitarju l-ġdid fuq terminu twil. L-assorbiment mill-Istati Membri ta’ fondi strutturali u ta’ investiment, li jirrappreżentaw kważi nofs il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali, għadu baxx minkejja l-fatt li kien hemm żieda fil-momentum u klejms sinifikattivament ogħla fl-2018. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiġi evitata pressjoni żejda fuq il-ħtiġijiet ta’ pagamenti fil-bidu tal-QFP il-ġdid (2021-2027), li tista’ tiġi kkawżata minn dewmien fil-klejms mill-qafas attwali. Barra minn hekk, iż-żieda fil-garanziji appoġġati mill-baġit tal-UE (EUR 92.8 biljun fi tmiem l-2018) iżżid mal-esponiment tal-baġit tal-UE għal riskji, li l-Kummissjoni se jkollha tindirizza taħt il-QFP il-ġdid.