Filwaqt li l-kontijiet tal-UE għas-sena finanzjarja 2020 jagħtu “stampa vera u ġusta” u d-dħul tqies li kien ħieles minn żball, il-pagamenti għadhom milquta minn wisq żbalji. Din hija l-konklużjoni tar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) għas-sena finanzjarja 2020, li ġie ppubblikat illum. L-awdituri ħarġu opinjoni avversa dwar l-infiq għat-tieni sena konsekuttiva. Huma identifikaw ukoll riskji u sfidi relatati mal-implimentazzjoni u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE li tqiegħdu għad-dispożizzjoni b’rispons għall-kriżi tal-coronavirus.
L-awdituri sabu li l-livell kumplessiv ta’ irregolaritajiet fl-infiq tal-UE baqa’ stabbli, bi 2.7 % fl-2020 (2019: 2.7 %). Fl-2020, aktar minn nofs l-infiq li ġie awditjat (59 %) tqies bħala nfiq b’riskju għoli, żieda ulterjuri meta mqabbla mal-2019 (53 %) u qabel. Ir-regoli u l-kriterji ta’ eliġibbiltà li jirregolaw dan it-tip ta’ nfiq huma ta’ spiss kumplessi, u dan jagħmilha aktar probabbli li jkun hemm żbalji. L-iżball materjali jkompli jolqot l-infiq b’riskju għoli f’rata stmata ta’ 4.0 % (2019: 4.9 %). Bħal fis-sena preċedenti, l-awdituri għalhekk ikkonkludew li l-livell ta’ żball f’dan it-tip sostanzjali ta’ nfiq huwa pervażiv, u ħarġu opinjoni avversa fuq l-infiq tal-UE għall-2020.
Permezz tax-xogħol tal-awditjar tagħna, fl-2020 ġew irrappurtati sitt każijiet ta’ frodi suspettata– ammont inqas mill-2019, meta kienu ġew irrappurtati disa’ każijiet. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjonijiet dwarhom kollha.
“Bil-ħsieb tal-isfidi kbar li hemm għalina ’l quddiem, aħna rridu nibqgħu saħansitra aktar għassa għas-solidità finanzjarja tal-UE,” qal Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA. “Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-UE se tonfoq sinifikattivament aktar milli nefqet fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Is-27 Stat Membr qablu fuq programm ta’ rkupru għall-COVID-19, li se jiġi ffinanzjat permezz tal-ħruġ ta’ dejn pubbliku. Din id-deċiżjoni timmarka bidla kbira fil-finanzi tal-UE. Hija tinvolvi ħtieġa ovvja għal verifiki effettivi dwar kif jintefqu flus l-UE, u jekk jnkisbux ir-riżultati intenzjonati.”
Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 se jkollu impatt sostanzjali ħafna fuq il-finanzi tal-UE: għall-perjodu finanzjarju 2021-2027, l-allokazzjoni ta’ finanzjament ikkombinata mill-istrument Next Generation EU (NGEU) u l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) se tkun ta’ EUR 1 824 biljun, kważi d-doppju tal-ammont ta’ nfiq fil-perjodu preċedenti tal-QFP. Bil-ħsieb ta’ dan il-finanzjament, l-awdituri jiġbdu l-attenzjoni għar-riskju ta’ bidu tardiv għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża fil-perjodu finanzjarju 2021-2027. Bidu tardiv affettwa l-implimentazzjoni tal-fondi tal-perjodu finanzjarju 2014-2020 ukoll.
Il-QEA tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) min-naħa tal-Istati Membri baqa’ aktar bil-mod milli ppjanat. Sa tmiem l-2020, is-sena finali tal-baġit attwali ta’ seba’ snin, kien tħallas biss 55 % tal-finanzjament mill-UE li kien ġie maqbul għall-perjodu 2014-2020. Dan kellu l-effett li kabbar l-impenji pendenti, li sa tmiem l-2020 kienu laħqu l-EUR 303.2 biljun, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ kważi żewġ baġits annwali. L-awdituri josservaw li hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Filwaqt li l-Finlandja, pereżempju, kienet assorbiet 79 % tal-allokazzjoni totali tagħha sa tmiem l-2020, it-tliet Stati Membri fejn ir-rata ta’ assorbiment kienet l-aktar baxxa (l-Italja, il-Kroazja u Spanja) kienu użaw biss madwar 45 % tal-ammonti impenjati tagħhom.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE. L-awdituri osservaw li fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-kontijiet tal-UE kienu juru ammont ta’ EUR 47.5 biljun dovut mir-Renju Unit abbażi tal-obbligi reċiproċi stabbiliti fil-ftehim dwar il-ħruġ.