Il-kunflitti ta’ interess huma irregolaritajiet li jaffettwaw il-baġit tal-UE, li jseħħu meta l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ persuna involuta fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE jkun kompromess minn raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali ieħor.
Aħna eżaminajna jekk il-kunflitti ta’ interess humiex indirizzati b’mod adegwat fil-politika agrikola u fil-politika ta’ koeżjoni. Nikkonkludu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom qafas fis-seħħ għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess, iżda li għad hemm lakuni fil-promozzjoni tat-trasparenza u l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet f’riskju.
Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu azzjonijiet biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tipprevieni, tidentifika u tirrapporta l-kunflitti ta’ interess, u li tippromwovi t-trasparenza.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.