Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ilha l-awditur estern tal-UE sa mill-istabbiliment tagħha f'Ottubru 1977. Il-QEA hija bbażata unikament fil-Lussemburgu. Sa mill-bidu, l-għan tal-QEA dejjem kien li ttejjeb il-mod li bih jiġu ġestiti l-finanzi tal-Unjoni u li tikkontribwixxi għall-obbligu ta' rendikont pubbliku fir-rigward tad-dħul u tal-infiq tal-baġit tal-UE permezz ta' aċċertament u ta' pariri.
Il-ħtieġa għal kontroll estern tal-finanzi tal-UE
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nħolqot fi żmien meta l-Komunità Ewropea (il-prekursur tal-UE) kienet qed tfittex li ssir aktar demokratikament responsabbli quddiem iċ-ċittadini tagħha. Żewġ żviluppi ewlenin kienu l-estensjoni tas-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-kontroll baġitarju u l-finanzjament sħiħ tal-baġit tal-Komunità Ewropea mir-riżorsi proprji tagħha. Il-Komunità saret konxja li kienet teħtieġ ukoll awditur estern verament indipendenti biex jgħin lill-Parlament u lill-Kunsill jiżguraw il-kontroll demokratiku tal-finanzi tagħha. Sa minn meta twaqqfet il-Komunità fl-1958, dan il-kompitu kien jiġi mwettaq minn bord żgħir tal-awditjar li, kif kien sar dejjem u aktar ċar, ma kellux is-setgħat jew ir-riżorsi meħtieġa biex jiżgura l-awditjar adegwat tal-baġit dejjem jespandi b'rata mgħaġġla.
Il-QEA ssir il-"kuxjenza finanzjarja" tal-UE
L-impetu prinċipali għall-istabbiliment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġie minn Heinrich Aigner, il-president tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, li sa mill-1973 kien argumenta bil-qawwa favur korp estern tal-awditjar fil-livell Komunitarju. Il-QEA ġiet stabbilita bit-Trattat ta' Brussell tat-22 ta' Lulju 1975 u bdiet xogħolha f'Ottubru 1977, bil-kwartieri ġenerali tagħha fil-Lussemburgu. Hans Kutscher, il-President tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, f'dak iż-żmien sejħilha l-kuxjenza finanzjarja tal-Komunità.
Il-QEA ssir istituzzjoni tal-UE
Il-QEA ħadet postha bħala istituzzjoni Ewropea fis-sod fl-1 ta' Novembru 1993 bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht. L-għoti ta' status ugwali mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-Parlament saħħaħ l-indipendenza u l-awtorità tagħha. It-Trattat ta’ Maastricht introduċa wkoll dak li, minn dak iż-żmien ’il hawn, sar prodott karatteristiku tal-QEA — id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.
Il-QEA testendi l-mandat tal-awditjar tagħha
Ir-rwol tal-QEA kien imsaħħaħ aktar fl-1999 bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, li reġa' afferma l-indipendenza tagħha u estenda s-setgħat tal-awditjar tagħha għal aktar oqsma ta’ politika. It-trattat enfasizza r-rwol tal-QEA fil-ġlieda kontra l-frodi u ppermettielha li tirrikorri lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproteġi l-prerogattivi tagħha kontra ksur mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.
Il-QEA tibda tikkoopera aktar mill-qrib mal-Istati Membri
It-Trattat ta' Nizza tal-2003 kkonferma l-prinċipju li l-QEA tkun magħmula minn Membru wieħed minn kull Stat Membru u enfasizzat l-importanza tal-kooperazzjoni tal-istituzzjoni ma' korpi nazzjonali tal-awditjar.
It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, reġa' afferma l-mandat tal-Qorti u l-istatus tagħha bħala istituzzjoni tal-UE. Li huwa wkoll ta' interess għall-QEA, huwa li t-trattat daħħal bidliet għall-mod li bih il-fondi tal-UE huma ġestiti u skrutinizzati billi saħħu s-setgħet baġitarji tal-Parlament Ewropew u enfasizzaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-baġit.
Il-QEA tiżviluppa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-UE dejjem tikber
L-istruttura tal-QEA żviluppat ukoll hekk kif l-UE evolviet. Minn 9 Membri u 120 membru tal-persunal fl-1977, hija issa għandha 27 Membru – f'ħames awli – u kważi 900 membru tal-persunal professjonali u amministrattiv mill-Istati Membri kollha. Bħala korp tal-awditjar ta' statura ugwali għal dik tal-istituzzjonijiet supremi nazzjonali tal-awditjar (SAIs) li joperaw fl-Istati Membri u lil hinn mill-fruntieri tal-UE, il-QEA tistinka biex tkun fuq 'il quddiem nett tal-iżviluppi fl-awditjar tas-settur pubbliku, u taħdem ma' SAIs oħra biex jiġu stabbiliti standards professjonali u prattiki tajbin.
Il-QEA llum
Mill-istabbiliment tagħha fl-1977 'l hawn,
il-QEA fittxet li tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE
billi tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja li jirriflettu l-iżviluppi fl-UE u
l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-partijiet interessati tagħha. Matul dan
iż-żmien l-UE laqgħet Stati Membri ġodda, rċeviet responsabbiltajiet ġodda,
wessgħet il-baġit tagħha, u stabbilixxiet korpi ġodda fil-livell Ewropew — li
kollha kemm huma jittieħdu inkunsiderazzjoni fix-xogħol tal-QEA u huma riflessi
fil-prodott tagħha.
Links relatati