Attwalment, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed tivvaluta l-effettività tal-miżuri tal-UE biex tappoġġa l-istat tad-dritt – rekwiżit għall-adeżjoni – fil-Balkani tal-Punent. L-awditu qed ikopri erba’ pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja) u żewġ pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo).
L-istat tad-dritt huwa valur Ewropew fundamentali. Għalkemm ma hemm l-ebda definizzjoni formali fil-livell tal-UE, huwa ġeneralment mifhum li jinkludi s-sitt prinċipji li ġejjin: l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, iċ-ċertezza tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, qrati indipendenti u imparzjali, proċeduri leġiżlattivi trasparenti u demokratiċi, u stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Għalhekk it-tisħiħ tal-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Huwa wkoll kundizzjoni ewlenija għat-tkabbir ekonomiku.
Biex jissieħbu mal-UE, il-pajjiżi kandidati jridu juru l-kapaċità tagħhom li jassumu l-obbligi tas-sħubija mal-UE, kif stabbilit fil-“kriterji ta’ Copenhagen” tal-1993. L-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji jirrigwarda l-eżistenza ta’ istituzzjonijiet żviluppati u stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi. Il-ħeffa tan-negozjati tal-adeżjoni għalhekk tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-progress li jkun sar f’dan il-qasam.
“L-istat tad-dritt huwa prerekwiżit mhux negozjabbli għas-sħubija mal-UE. Madankollu, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom qed jiffaċċjaw problemi li jikkonċernaw il-korruzzjoni u kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom, li jfixklu l-adeżjoni tagħhom mal-UE“, qal Juhan Parts, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għall-awditu. “L-awditu tagħna se jeżamina jekk l-UE ġenwinament tgħinhomx jiksbu progress f’dawn l-oqsma, sabiex ikunu jistgħu jkunu dalwaqt fi triqithom lejn is-sħubija mal-Unjoni.”