Il-kapaċità tal-atturi privati u pubbliċi li jadottaw u jiżviluppaw teknoloġiji mill-aktar avvanzati
tvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri tal-UE. Biex tindirizza dan id-distakk flinnovazzjoni,
l-UE ffukat dejjem aktar fuq l-iżgurar ta’ parteċipazzjoni usa’ fil-programmi ta’
finanzjament tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni, billi introduċiet miżuri speċifiċi biex jiġi
sfruttat il-potenzjal ta’ pajjiżi b’livell baxx ta’ innovazzjoni u ppromwoviet sinerġiji mal-Fondi
Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) qed twettaq
awditu biex tivvaluta l-azzjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni Ewropea biex jinkiseb dan l-objettiv
ta’ “twessigħ” ta’ Orizzont 2020.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma parti ewlenija tal-produttività u l -kompetittività ekonomika.
F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, madwar żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa kien
xprunat mill-innovazzjoni teknoloġika, u terz tal-impjiegi Ewropej kollha issa jinsabu f’industriji
bbażati fuq l-għarfien. Wieħed mill-għanijiet politiċi tal-UE huwa li l-attivitajiet ta’ riċerka u
innovazzjoni jinfirxu b’mod ugwali fl-Istati Membri kollha tagħha.
Orizzont 2020 huwa t-tmien programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa jaħdem billi jikkofinanzja proġetti kollaborattivi ta’ riċerka u innovazzjoni mill-aktar avvanzati fl-Istati Membri u fil-pajjiżi sħab, u huwa l-istrument prinċipali ta’ finanzjament għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), inizjattiva mnedija fl-2000 li għandha l-għan li toħloq suq uniku u mingħajr fruntieri għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija madwar l-UE. Mill-2013 ’il hawn, Orizzont 2020 iffoka dejjem aktar fuq it-tixrid tal-eċċellenza u fuq it-“twessigħ” tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi b’livell baxx ta’ innovazzjoni billi jipprovdilhom appoġġ addizzjonali għat-tfassil tal-politika, il-bini tal-kapaċitajiet u l-ħolqien ta’ rabtiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ riċerka ewlenin u r-reġjuni bi prestazzjoni baxxa. Biex jiġu ffinanzjati dawn il-miżuri, il-FSIE, li l-iskop tagħhom huwa li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE, intużaw flimkien mal-finanzjament ta’ Orizzont 2020.
“Hemm distakk persistenti fost l-atturi privati u pubbliċi fi Stati Membri differenti f’termini tal-prestazzjoni tar-riċerka tagħhom u tal-kapaċità tagħhom li jinnovaw. Dan id-distakk bejn il-mexxejja tal-innovazzjoni u l-pajjiżi bi prestazzjoni baxxa jipprevieni lill-UE milli tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tagħha u jhedded it-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-istabbiltà soċjali tagħha,” qalet Ivana Maletić, il-membru tal-QEA responsabbli għall-awditu. “Dan l-awditu għandu l-għan li jivvaluta jekk l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni – pereżempju taħt Orizzont 2020 u permezz tal-promozzjoni ta’ sinerġiji mal-FSIE – kinux għenu biex jitnaqqas id-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.”