Fid-dinja tal-lum, il-ħiliet diġitali qed isiru dejjem aktar importanti. Madankollu, fi snin reċenti ftit li xejn sar progress fi ħdan l-UE f’dak li jirrigwarda t-titjib tal-kompetenzi diġitali bażiċi fost l-adulti Ewropej. Il-Kummissjoni ħarġet gwida u appoġġat lill-Istati Membri, iżda kien hemm relattivament ftit proġetti ffinanzjati mill-UE li jiffukaw fuq il-litteriżmu diġitali bażiku għall-adulti. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) irrieżaminat dak li l-UE għamlet biex iżżid il-ħiliet diġitali fost l-adulti, u dak li huwa ppjanat għall-perjodu 2021-2027.
Fl-2019, aktar minn 75 miljun adult Ewropew fl-età tax-xogħol ma kellhomx mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi. Dan kien partikolarment il-każ għall-persuni akbar fl-età, għal dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni u għal dawk qiegħda. Fl-istess ħin, aktar minn 90 % tal-impjiegi diġà jirrikjedu mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi.
“Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-importanza tal-ħiliet diġitali bażiċi għaċ-ċittadini,” qalet Iliana Ivanova, il-membru tal-QEA responsabbli għar-rapport analitiku. “Aħna nosservaw li l-adulti b’kompetenzi diġitali ogħla jsibu impjiegi aktar faċilment; jaqilgħu wkoll aktar mill-pari tagħhom li għandhom inqas ħiliet. Ir-rapport analitiku tagħna juri li l-UE ilha li rrikonoxxiet l-importanza tal-ħiliet diġitali bażiċi għaċ-ċittadini kollha iżda għad fadal ħafna xi jsir. Issa huwa ż-żmien ideali biex nixħtu dawl fuq din il-kwistjoni u nittama li l-partijiet ikkonċernati ewlenin tagħna se jsibu r-rapport analitiku tagħna utli fit-tħejjijiet tagħhom għall-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid għall-2021-2027”.