Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) illum ippubblikat il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2022 u lil hinn, fejn elenkat l-oqsma strateġiċi u l-prijoritajiet tal-awditjar tagħha. Dawn se jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, li jirriflettu l-isfidi prinċipali u t-tħassib ewlieni tal-UE. Fosthom u qabel kollox se jkun ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 u l-ambizzjonijiet tagħha biex tiġġieled it-tibdil fil-klima. L-awdituri se jiskrutinizzaw dawn l-oqsma, u oħrajn, biex jistabbilixxu jekk l-UE hijiex tuża l-flus tal-kontribwenti b’mod effettiv biex twettaq il-mandat u l-impenji tagħha.
Il-pandemija tal-COVID-19 tkompli tħalli impatt kbir fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, u se tkompli tagħmel dan għal xi żmien. Sadanittant, l-UE qed tpoġġi fil-prattika wkoll l-aspirazzjonijiet tagħha biex tiġġieled it-tibdil fil-klima, u biex timxi lejn ekonomija aktar moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. Konsegwentement, il-programmi ta’ rkupru ta’ wara l-COVID u l-miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jirċievu assistenza finanzjarja mill-UE fuq skala mingħajr preċedent.
Il-Programm ta’ Ħidma 2022+ tal-QEA tħejja fid-dawl ta’dawn l-isfidi partikolari. Huwa fih lista ta’ 79 rapport speċjali u rapport analitiku li l-awdituri tal-UE biħsiebhom jippubblikaw fis-snin li ġejjin. Dawn huma marbuta ma’ oqsma ta’ prijorità strateġiċi. Pereżempju, għall-qasam ta’ nfiq u ta’ politika “Ir-rispons tal-UE għall-COVID-19 u l-irkupru wara l-kriżi” huma ppjanati 16-il rapport, dwar kwistjonijiet bħall-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u d-dritt ta’ moviment liberu matul il-pandemija. Il-QEA se tippubblika wkoll sensiela ta’ sejbiet tal-awditjar dwar il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tirrappreżenta EUR 672.5 biljun f’għotjiet u selfiet biex jintużaw għall-appoġġ tal-investimenti u r-riformi, b’fokus fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Taħt l-intestatura “tibdil fil-klima, ambjent u riżorsi naturali”, il-QEA se tippubblika 17-il rapport, inkluż dwar il-bijokarburanti, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, is-sajd illegali u t-trasport tal-annimali.
Se jiġu koperti wkoll ħafna oqsma oħra ta’ nfiq u ta’ politika tal-UE. Pereżempju, fil-qasam ta’ prijorità “Is-sigurtà u l-valuri Ewropej”, l-awdituri se jiskrutinizzaw l-azzjoni esterna tal-UE – pereżempju, billi jivvalutaw kif l-UE tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fl-Afrika u billi janalizzaw l-appoġġ finanzjarju li tagħti l-UE għall-kura tar-refuġjati fit-Turkija – iżda wkoll problemi interni, inkluż il-frodi fil-pagamenti taħt il-politika agrikola komuni u l-istat tad-dritt fl-UE.
L-awdituri se jeżaminaw ukoll kwistjonijiet ewlenin għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, bħas-sigurtà tan-networks ċellulari 5G, il-produzzjoni tal-batteriji, u l-iżvilupp ta’ industrija tal-mikroċippi fl-UE. Fir-rigward tal-politiki fiskali, huma se jħarsu b’mod partikolari lejn is-superviżjoni bankarja tal-UE u s-suq uniku għall-fondi ta’ investiment.
B’firxa tant komprensiva ta’ suġġetti, il-QEA se tkompli tipprovdi liċ-ċittadini u lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE rapporti indipendenti dwar kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-UE, billi tenfasizza dak li jiffunzjona tajjeb u tiġbed l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost. Matul l-2021, il-QEA ħarġet 32 rapport tal-awditjar u rapport analitiku, fuq suġġetti li jvarjaw mill-ambjent sat-tassazzjoni, mill-mobbiltà sal-ħasil tal-flus, u mill-migrazzjoni sad-drittijiet tal-konsumatur.