Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ikkundannat bil-qawwa l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u bdiet torganizza għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-aggressjoni Russa. “Kulħadd fl-istituzzjoni jinsab b’mod ferm wara l-poplu Ukren,” qalet il-Qorti f’dikjarazzjoni li nħarġet fuq is-sit web tagħha u fuq in-networks soċjali. “Dawn huma żminijiet ta’ swied il-qalb għall-Ewropa. Issa aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-UE turi l-għaqda.”
Immedjatament wara l-bidu tal-attakk Russu, il-President tal-QEA Klaus-Heiner Lehne esprima solidarjetà f’isem l-istituzzjoni f’ittra mibgħuta lil Valerii Patskan, il-President tal-Awla tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna, fejn esprima kif ħass “orrur lejn l-att brutali ta’ aggressjoni” u n-“niket profond tiegħu għat-tbatija tal-poplu Ukren”.
Il-Qorti daret lejn il-komunità internazzjonali tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) biex tikkoordina approċċ komuni biex tagħti appoġġ lill-kollegi Ukreni, u biex tiddefendi l-valuri tal-indipendenza u tad-demokrazija. Il-Qorti temmen b’mod ferm li l-Awla tal-Kontabbiltà tal-Federazzjoni Russa jmissha tirtira l-parteċipazzjoni tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-INTOSAI u l-EUROSAI. Hija qed tfittex ukoll pożizzjoni konġunta mill-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea li tikkundanna l-invażjoni Russa, biex tiġi indirizzata lill-komunità kollha tal-INTOSAI.
Biex tintwera mad-dinja ta’ barra s-solidarjetà tal-Qorti mal-poplu Ukren, il-bandiera Ukrena qed tittajjar mill-kwartieri ġenerali tal-Qorti fil-Lussemburgu. Il-bini tal-Qorti se jiġi wkoll imdawwal matul il-lejl bil-kuluri nazzjonali Ukreni, jiġifieri l-blu u l-isfar.
L-istituzzjoni qed tgħin b’aktar minn sempliċi ġesti. Il-persunal tal-Qorti qed jipprovdi assistenza prattika, inkluż il-ġbir ta’ flus bħala donazzjoni lil organizzazzjoni umanitarja biex tgħin lil nies vulnerabbli. Is-servizz mediku tal-Qorti organizza wkoll donazzjoni ta’ provvisti tal-ewwel għajnuna biex jintbagħtu l-Ukrajna immedjatament.