Illum, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippubblikat ir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2021. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-QEA fl-2021, u jipprovdi informazzjoni dwar il-maniġment tal-istituzzjoni, il-persunal u l-finanzi tagħha, u jiddeskrivi kif id-900 impjegat tal-QEA komplew jipprovdu rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-ġejjieni tal-UE. Minħabba li l-Istati Membri attwalment qed jiffaċċjaw ħafna sfidi mhux mistennija, il-QEA taqdi rwol kruċjali billi tenfasizza dawk l-aspetti ta’ azzjonijiet tal-UE li jaħdmu tajjeb, tiġbed l-attenzjoni għal aspetti li jistgħu jittejbu, u tirrakkomanda bidliet sostantivi biex l-UE tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Permezz ta’ dan ix-xogħol, l-UE tista’ tibni fuq l-isforzi preċedenti tagħha biex ittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tagħha, u biex tiżgura li l-infiq tal-UE jwassal riżultati.
Fl-2021, l-awdituri tal-UE komplew jaħdmu fi ħdan il-limiti tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u s-saħħa pubblika relatati mal-COVID-19. Il-kapaċità tagħhom li jwettqu awditi fuq il-post kienet għadha ristretta sinifikattivament. Iżda huma aġġustaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, għamlu bidliet rapidi fil-metodi ta’ ħidma tagħhom, u malajr tgħallmu għodod ġodda biex ikunu jistgħu jipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku effettiv fl-UE.
B’riżultat ta’ dan, l-awdituri tal-UE waslu għal konklużjonijiet li kienu f’waqthom u sinifikattivi, u għamlu rakkomandazzjonijiet speċifiċi u rilevanti. Il-QEA ħarġet 55 pubblikazzjoni fl-2021, li jinkludu 32 rapport speċjali u rapport analitiku li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li l-UE qed tiffaċċja fl-oqsma differenti ta’ nfiq u ta’ politika tagħha. L-awdituri ttrattaw kwistjonijiet li jinkludu: il-politika agrikola komuni (PAK) u t-tibdil fil-klima, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-elettromobbiltà, l-aġenzija Frontex tal-UE għall-protezzjoni tal-fruntieri, il-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE fir-ritorn ta’ migranti irregolari, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa, il-finanzi sostenibbli, il-ħasil tal-flus, u d-diżinformazzjoni. Huma ħarġu wkoll żewġ rapporti relatati mal-COVID-19: rapport analitiku dwar ir-rispons li l-UE tat fil-livell tas-saħħa pubblika u awditu tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru waqt il-pandemija.
Il-pubblikazzjonijiet tal-QEA – rapporti tal-awditjar, rapporti analitiċi, u opinjonijiet – huma element essenzjali tal-katina tal-obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE, prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea.
“Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 għadha ma għaddietx, kriżi terribbli oħra laqtet il-fruntieri tal-UE għal għarrieda,” qal il-President tal-QEA Klaus-Heiner Lehne. “Dawn huma żminijiet ta’ swied il-qalb għall-Ewropa. Issa aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-UE turi l-għaqda u li twettaq riżultati. Il-missjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija aktar kruċjali issa milli qatt kienet: b’dan il-ħsieb, se nkomplu bl-isforzi tagħna biex nivvalutaw il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE.”