Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) illum ippubblikat il-Programm ta’ Ħidma 2023+ tagħha, fejn elenkat il-prijoritajiet tal-awditjar tagħha għall-futur qarib. Dawn se jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, li jirriflettu l-isfidi prinċipali u t-tħassib ewlieni tal-UE fir-rispons tagħha għall-bosta kriżijiet li qed tiffaċċja. L-awdituri se jkomplu jivverifikaw jekk l-UE hijiex qed tinqeda sew bi flus il-kontribwenti biex tikseb ir-riżultati intenzjonati.
Il-Programm ta’ Ħidma 2023+ tal-QEA fih lista ta’ 82 suġġett li huma marbuta ma’ oqsma ta’ prijorità strateġiċi. Pereżempju, 12-il awditu jkopru n-“NextGenerationEU” (NGEU), il-pakkett għall-irkupru mill-pandemija f’ammont ta’ EUR 800 biljun, li jkopri prinċipalment il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Taħt “it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali”, il-programm ta’ ħidma jelenka 21 awditu, inkluż dwar is-sigurtà tal-enerġija, it-tniġġis, it-trasport tal-annimali u l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel. Il-QEA se tħares ukoll lejn l-azzjoni esterna tal-UE, bħall-għajnuna għar-rifuġjati, il-mobbiltà militari u l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
“Kull ċittadin tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qed iħabbat wiċċu mal-effetti ta’ bosta kriżijiet: il-pandemija globali, it-tibdil rapidu fil-klima u, aktar reċentement, kriżi enormi tal-enerġija, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna,” qal il-President tal-QEA Tony Murphy. “Aħna, bħala l-awditur indipendenti tal-UE, għalhekk se nivverifikaw li l-fondi tal-UE ntefqu tajjeb biex jgħinu biex jingħelbu l-effetti ta’ dawn il-bosta kriżijiet.”