Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi statistika Ewropea ta’ kwalità ġeneralment suffiċjenti u xierqa għall-użu minn dawk li jfasslu l-politika, min-negozji u mill-pubbliku. Filwaqt li lill-Kummissjoni l-awdituri għaddewha mit-test, huma jwissu wkoll dwar għadd ta’ dgħufijiet. Jenħtieġ li l-istatistika Ewropea tkun aktar utli għall-utenti tagħha u mfassla aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom. Ikun tajjeb li l-partijiet ikkonċernati bħall-akkademiċi u l-komunità tar-riċerka fl-intier tagħha jiġu kkonsultati b’mod xieraq dwar il-pjanijiet u l-prijoritajiet għall-istatistika Ewropea. U hemm lakuni fid-data f’oqsma importanti tal-istatistika bħax-xogħol, in-negozju u s-saħħa.
L-istatistika uffiċjali hija indispensabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza li jsir minn politiċi u mexxejja tan-negozju, kif ukoll għall-ħidma tar-riċerkaturi, il-ġurnalisti u l-pubbliku. Fl-UE, din tintuża għall-ġbir u l-allokazzjoni tal-fondi, kif ukoll għat-tfassil u l-valutazzjoni tal-politiki fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, l-ambjent u l-ekonomija. Bejn l-2013 u l-2020, kważi EUR 0.5 biljun ta’ flus il-kontribwenti ntefqu mill-kaxxa tal-UE fuq il-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. L-awdituri vverifikaw jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet passi biex tiżgura livell għoli ta’ kwalità, u eżaminaw fil-fond l-oqsma tax-xogħol, in-negozji u s-saħħa.
“Il-produzzjoni tal-istatistika mhijiex għan fiha nnifisha,” qalet Ildikó Gáll-Pelcz, il-Membru tal-QEA li mexxiet l-awditu. “Hija ġid pubbliku, u trid tiġi ġġenerata l-ewwel u qabel kollox bl-utenti fiċ-ċentru. Fi żmien ta’ diżinformazzjoni u sensiela ta’ kriżijiet, huwa ta’ importanza kbira li l-istatistika uffiċjali Ewropea tkun ta’ kwalità għolja, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti u tesplora modi innovattivi ta’ produzzjoni.”