Minkejja l-azzjoni tal-UE biex tnaqqas il-ġenerazzjoni tiegħu, l-ammont ta’ skart perikoluż iġġenerat fl-UE baqa’ jiżdied mill-2004 ’l hawn. Rapport analitiku li ġie ppubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jixħet dawl fuq l-isfidi li jeżistu u dawk futuri fl-immaniġġjar tal-iskart perikoluż: it-titjib tal-klassifikazzjoni, l-iżgurar tat-traċċabbiltà, it-tiżjid tar-riċiklaġġ, u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali, li għadu attività li tħalli l-qligħ.
“Il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż qed tiżdied, u l-UE jeħtiġilha tindirizza din il-problema,” qalet Eva Lindström, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli mir-rapport analitiku. “L-aktar modi preferibbli biex jiġi mmaniġġjat l-iskart perikoluż huma r-riċiklaġġ u l-irkupru tal-enerġija. Jenħtieġ li r-rimi jintuża biss meta ma jkunx hemm triq oħra. Madankollu, ’il fuq minn 50 % tal-iskart perikoluż tal-UE għadu sempliċiment jintrema. F’dan
ir-rapport analitiku, aħna nuru li l-prevenzjoni u t-trattament tal-iskart perikoluż għadhom jikkostitwixxu sfida, iżda jippreżentaw ukoll opportunitajiet”.