Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed tibda tivvaluta jekk il-Kummissjoni Ewropea kinitx effettiva fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mill-ksur tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. L-awdituri se jeżaminaw il-passi li ħa l-eżekuttiv tal-UE biex jiżgura li l-pajjiżi jirċievu finanzjament mill-kaxxa tal-UE biss meta jirrispettaw l-istat tad-dritt. L-awditu se jiffoka fuq il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-finanzjament tal-UE għall-irkupru mill-COVID-19.
“Il-ksur tal-istat tad-dritt, bħan-nuqqasijiet milli titwettaq investigazzjoni xierqa tal-korruzzjoni jew nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja, jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji kbar fl-UE, u jaf iwassal biex flus l-UE jintużaw ħażin fl-Istati Membri.” qalet Annemie Turtelboom, il-Membru tal-QEA li se tmexxi l-awditu. “L-awditu tagħna se jiddetermina jekk l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex tipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-istat tad-dritt kienx effettiv, b’mod partikolari fil-finanzjament fil-qasam tal-koeżjoni u l-irkupru.”