Skont rapport li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, minkejja projezzjonijiet ambizzjużi u ċertu ammont ta’ sforz, l-UE għamlet progress bil-mod lejn l-objettiv tagħha li tgħaqqad is-swieq tal-elettriku biex tiżgura aċċess għal enerġija rħisa għaċ-ċittadini u n-negozji. Akkumula d-dewmien fl-akkoppjament tas-swieq nazzjonali tal-enerġija minħabba dgħufijiet fil-governanza tal-UE u minħabba sistema kumplessa ta’ għodod regolatorji li jippermettu l-kummerċ transfruntier, element li żamm lura l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq. Lanqas ma sar titjib suffiċjenti minkejja l-monitoraġġ tas-suq li twettaq mill-Kummissjoni Ewropea u mill-ACER, li hija l-aġenzija tal-enerġija tal-UE. Il-miżuri ta’ sorveljanza għar-restrizzjoni tal-abbuż u tal-manipulazzjoni ma avvanzawx biżżejjed, u dan ifisser li l-piż prinċipali tar-riskju fuq is-suq tal-elettriku tal-UE ngħadda lill-konsumaturi finali.
Fl-1996, l-UE bdiet proġett kumpless biex tintegra s-swieq nazzjonali tal-elettriku bis-sħiħ. L-għan kien li jitwasslu l-orħos prezzijiet tal-elettriku possibbli għall-konsumaturi u li l-provvista tal-enerġija tal-UE ssir aktar sikura. Madankollu, kważi 10 snin wara l-ikkompletar skedat tal-proġett fl-2014, is-suq għadu fil-prattika rregolat minn 27 qafas regolatorju nazzjonali. Bħalma enfasizzat il-kriżi tal-enerġija attwali, il-prezzijiet bl-ingrossa jvarjaw sinifikattivament minn Stat Membru għal ieħor u l-prezzijiet bl-imnut jibqgħu influwenzati bil-kbir mir-rati ta’ tassazzjoni nazzjonali u mit-tariffi tan-network, minflok ma jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni.
“Minkejja l-ambizzjoni milqugħa u meħtieġa mill-UE, is-swieq tal-elettriku fl-Ewropa jistgħu jkunu ħafna aktar integrati,” qal Mihails Kozlovs, il-Membru tal-QEA li mexxa l-awditu. “Il-kriżi attwali tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja li ċ-ċittadini tal-UE qed jiffaċċjaw għamlitha saħansitra aktar urġenti għall-UE biex tiffinalizza s-suq intern tal-elettriku tagħha.”