Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), matul għexieren ta’ snin, l-approċċ frammentat li ttieħed għall-istabbiliment tax-xenarju finanzjarju tal-UE rriżulta fi struttura frammentata li hija kumplessa żżejjed u li ma tagħtix rendikont pubbliku sħiħ. Il-qalba tiegħu hija l-baġit tal-UE,iżda jinkludi għadd dejjem jikber ta’ strumenti barra mill-baġit u strumenti ibridi. L-għadd ta’ dawn l-istrumenti maħluqa reċentement immultiplika matul l-aħħar 15-il sena, u l-awdituri jirrakkomandaw li jsiru aktar sforzi biex dawn jiġu kkonsolidati.
“Ix-xenarju finanzjarju attwali tal-UE ġie deskritt mill-Parlament Ewropew bħala galassja ta’ fondi u strumenti madwar il-baġit tal-UE,” qal François-Roger Cazala, il-Membru tal-QEA li mexxa l-awditu. “Filwaqt li kien hemm raġunijiet għalfejn inħolqu, nemmnu li huma meħtieġa aktar simplifikazzjoni u obbligu ta’ rendikont biex l-effiċjenza u t-trasparenza jitjiebu.”