F’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet sistema ta' kontroll ta’ verifiki għall-fond prinċipali tal-UE għall-irkupru mill-pandemija, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza b'valur ta’ EUR 724 biljun (RRF). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri eżaminat it-tfassil ta’ din is-sistema ta’ kontroll u sabet nuqqas fl-aċċertament u fl-obbligu ta' rendikont fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-Istati Membri huma obbligati jikkontrollaw li l-proġetti ta' investiment iffinanzjati mill-RRF jikkonformaw mar-regoli tal-UE u r-regoli nazzjonali, iżda l-Kummissjoni ftit għandha informazzjoni vverifikata permezz ta’ xogħolha stess dwar jekk u kif jitwettqu dawn il-verifiki nazzjonali. Mingħajr aċċertament li hemm konformità ma’ dawn ir regoli, hemm nuqqas fl-obbligu ta' rendikont fil-livell tal-UE.
Il-Kummissjoni twassal il-flus permezz tal-RRF b’mod ġdid: hija tagħmel il-pagamenti lill-pajjiżi tal-UE wara li tkun ċerta li jkunu laħqu l-objettivi maqbula bil-quddiem fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru tagħhom, billi jkunu laħqu l-istadji importanti u l-miri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni poġġiet fis-seħħ sett estensiv ta’ kontrolli biex tivverifika d-data li l-pajjiżi jipprovdu biex juru li jkunu laħquhom. Madankollu, għall-proġetti ta' investiment iffinanzjati mill-RRF, il-konformità mar-regoli rilevanti tal-UE u r-regoli nazzjonali mhix kundizzjoni għall-pagament, għall-kuntrarju ta’ programmi ta’ finanzjament oħra tal-UE. Lanqas il-konformità ma’ dawn ir-regoli mhi koperta mill-verifiki tal-Kummissjoni fuq it-talbiet għall-pagament tal-Istati Membri.
“Iċ-ċittadini se jafdaw biss modi ġodda ta’ finanzjament mill-UE jekk jistgħu jkunu ċerti li flushom qed jintefqu kif xieraq,” qal il-President tal-QEA Tony Murphy. "Attwalment, hemm nuqqas f’termini tal-aċċertament li l Kummissjoni tista’ tipprovdi għall-fond prinċipali ta’ rkupru mill-pandemija mill-UE u nuqqas ta’ obbligu ta' rendikont fil-livell tal-UE.”