Għalkemm hemm qafas fis-seħħ għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess fl-infiq tal-UE, hemm lakuni fil-promozzjoni tat-trasparenza u fl-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet f’riskju. Dan huwa dak li joħroġ minn rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li ħares b’mod partikolari lejn kif il-problema hija indirizzata fil-politika agrikola u fil-politika ta’ koeżjoni, jiġifieri fl-akbar oqsma ta’ nfiq fl-UE.
“Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta u l-każijiet reċenti, ridna nivverifikaw jekk il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri indirizzawx adegwatament il-kunflitti ta’ interess fil-politika agrikola komuni u fil-politika ta’ koeżjoni,” qal Pietro Russo, il-Membru tal-QEA li mexxa l-awditu. “Sibna li saru sforzi biex il-problema tiġi indirizzata, iżda għad hemm lakuni. Jenħtieġ li jittejjeb ir-rappurtar tal-każijiet, biex tingħata ħarsa ġenerali ċara lejn l-ammonti affettwati mill-kunflitti ta’ interess.”