Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri torganizza tliet sessjonijiet ta’ traineeship kull sena fl-oqsma li huma ta’ interess għal xogħolha. Minbarra li tqis applikazzjonijiet għal traineeship ġenerali, il-Qorti se tagħti attenzjoni partikolari lil applikazzjonijiet mingħand kandidati bi profili fl-oqsma tal-awditjar tal-IT u tax-xjenza tad-data, skont il-pjan ta’ żvilupp tagħha għall-perjodu 2021-2025 għall-użu aħjar mit-teknoloġija u d-data fl-awditjar. Tista’ tingħata remunerazzjoni (EUR 1 500 fix-xahar) jew le, skont lapproprjazzjonijiet baġitarji disponibbli.
Mill-1 ta’ Ottubru 2020 ’il quddiem, is-sessjonijiet ta’ traineeship se jitqassmu kif ġej:
- mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Lulju ta’ din is-sena,
- mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena,
- mill-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena sat-28 (29) ta’ Frar tas-sena ta’ wara.
Matul dawn it-tliet sessjonijiet, it-traineeship tista’ ddum bejn tliet xhur sa ħames xhur.
Sabiex ikunu eliġibbli biex jagħmlu perjodu ta’ traineeship, l-applikanti jridu:
-
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, għajr meta tkun ingħatat deroga mill-awtorità tal-ħatra;
-
ikollhom lawrja jew diploma universitarja rikonoxxuta li tagħti dritt għall-grupp ta’ funzjoni AD(*) kif iddefinit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew inkella jkunu kkompletaw mill-inqas erba’ semestri ta’ studji universitarji f’qasam ta’ interess għall-Qorti;
-
jixtiequ li jiksbu taħriġ prattiku relatat ma’ wieħed mill-oqsma ta’ attività tal-Qorti tal-Awdituri;
-
ma jkunux diġà bbenefikaw minn traineeship (remunerata jew le) f’istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE, inklużi l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment;
-
jiddikjaraw li huma għandhom għarfien approfondit ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea;
-
fil-mument li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, ma kinux jew ma jkunux impjegati fi ħdan istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea, la bħala persunal temporanju, persunal bil-kuntratt, persunal awżiljarju bilkuntratt, persunal interim bil-kuntratt, espert nazzjonali sekondat fi ħdan istituzzjoni, korp jew aġenzija tal- Unjoni Ewropea, u lanqas bħala assistent ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.
Il-kandidati magħżula jridu jipprovdu dikjarazzjoni li qatt ma nstabu ħatja ta’ xi reat skont kif imfassal għas-servizz ċivili mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, u ċertifikat mediku li jiċċertifika li huma fiżikament kapaċi jwettqu l-kompiti tagħhom.
Il-kandidati b’diżabbiltà mhumiex meħtieġa jipprovdu dan iċ-ċertifikat, u fil-każ tagħhom dan jista’ jiġi sostitwit b’ċertifikat tat-tabib tagħhom li jkun jiġġustifika l-kapaċità tagħhom li jintegraw f’ambjent tax-xogħol jekk isiru arranġamenti xierqa.
Qabel ma tapplika, nitolbuk tieħu nota tal-informazzjoni importanti li ġejja:
- Minħabba l-volum għoli ta’ applikazzjonijiet, aħna ma nweġbux lil kull applikant individwali.
- L-applikazzjonijiet online biss jiġu pproċessati. Applikazzjonijiet spontanji jew CVs mibgħuta bil-posta, fax jew e-mail ma jiġux aċċettati.
- Id-dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-QEA jikkuntattja biss lill-kandidati ammessi.
- L-ebda traineeship ma tista’ tingħata barra mill-perjodi tas-sessjonijiet li jingħataw fit-tabella ta’ hawn fuq.