Yes
No

​Żdiedu l-iżbalji fl‑infiq mill‑baġit tal‑UE, skont il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA). Filwaqt li fir‑rapport annwali tagħhom, li ġie ppubblikat illum, l‑awdituri jikkonkludu li l‑kontijiet tal‑UE għas‑sena finanzjarja 2021 jagħtu stampa vera u ġusta u li d-dħul jista' jitqies li kien ħieles minn żball, il‑pagamenti għadhom milquta minn wisq żbalji. L‑awdituri jidentifikaw ukoll ir‑riskji fir‑rigward tal‑fondi tal‑UE li saru disponibbli b'rispons għall‑kriżi tal‑coronavirus u l‑gwerra ta' aggressjoni fl‑Ukrajna. Għall‑ewwel darba, ir‑rapport jinkludi opinjoni separata dwar l‑istrument għall‑irkupru temporanju tal‑UE, jiġifieri l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF).

L‑awdituri jsibu li l‑livell kumplessiv ta' żbalji fl‑infiq mill‑baġit tal‑UE żdied fl‑2021, għal 3.0 % (2020: 2.7 %). Kważi żewġ terzi tal‑infiq li ġie awditjat (63.2 %) tqiesu bħala nfiq b'riskju għoli, u din ukoll hija żieda meta mqabbla mal‑2020 (59 %) u qabel. Ir‑regoli u l‑kriterji ta' eliġibbiltà li jirregolaw dan it‑tip ta' nfiq huma ta' spiss kumplessi, u dan jagħmilha aktar probabbli li jkun hemm żbalji. L-iżball materjali jkompli jolqot l‑infiq b'riskju għoli f'rata stmata ta' 4.7 % għall‑2021 (2020: 4.0 %).

Opinjoni avversa dwar l‑infiq tal‑baġit tal‑UE

Bħal f'dawn l-aħħar sentejn, l‑awdituri jikkonkludu li l‑livell ta' żball għall‑infiq b'riskju għoli kien pervażiv, u ħarġu opinjoni avversa dwar l‑infiq tal‑UE fl‑2021.

Il‑livell ta' żball stmat mhuwiex kejl ta' frodi, ta' ineffiċjenza jew ta' ħela: huwa stima tal‑ammont ta' flus li ma ntużawx f'konformità sħiħa mar‑regoli tal‑UE u ma' dawk nazzjonali. Madankollu, waqt xogħolhom l‑awdituri identifikaw ukoll 15-il każ ta' frodi suspettata (meta mqabbla ma' 6 fl‑2020). Huma rrappurtaw dawn il‑każijiet lill‑Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l‑Frodi (OLAF), li diġà fetaħ ħames investigazzjonijiet. Każ minnnhom ġie rrappurtat b'mod parallel lill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), flimkien ma' każ addizzjonali li l‑QEA kienet identifikat fl‑2021.

Bil‑gwerra ta' aggressjoni fl‑Ukrajna, in‑nuqqas ta' enerġija, il‑pandemija tal‑coronavirus u t‑tibdil fil‑klima, l‑UE qed tiġi mġiegħla tindirizza fl‑istess ħin il‑konsegwenzi ta' sensiela ta' kriżijiet bla preċedent.
Ambjent bħal dan joħloq aktar riskji u sfidi għall‑finanzi tal‑UE u jżid l‑importanza li l‑Kummissjoni Ewropea timmaniġġjahom b'mod tajjeb u effettiv. Permezz ta' xogħolna, aħna naqdu rwol importanti biex dan niżgurawh.
President tal‑QEA Tony Murphy

L‑ewwel opinjoni dwar l‑infiq taħt l‑RRF

Din is‑sena għall‑ewwel darba l‑awditu kopra l‑RRF, il‑komponent prinċipali tal‑pakkett tal‑UE ta' EUR 800 biljun “NextGenerationEU" (NGEU), li huwa maħsub biex inaqqas il‑konsegwenzi ekonomiċi tal‑pandemija. Filwaqt li l‑infiq tal‑baġit tal‑UE huwa bbażat fuq ir‑rimborż tal‑ispejjeż, u dan f'konformità mal‑kundizzjonijiet, taħt l‑RRF l‑Istati Membri jirċievu fondi talli jkunu laħqu stadji importanti jew miri predefiniti. Fl‑2021 pagament wieħed biss sar mill‑RRF, lil Spanja. L‑awdituri sabu li 1 mit‑52 stadju importanti inklużi fit‑talba għall‑pagament Spanjola ma kienx intlaħaq bis-sħiħ, iżda ma qisux l‑impatt assoċjat bħala materjali. Madankollu, l‑awdituri identifikaw dgħufijiet fil‑valutazzjoni li l‑Kummissjoni kienet wettqet tal‑istadji importanti, u jappellaw għal titjib f'valutazzjonijiet futuri tal‑istess tip.

L-awdituri josservaw li l-konformità mar-regoli l-oħra tal-UE u dawk nazzjonali ma tiffurmax parti mill-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni dwar il-legalità u regolarità tal-pagamenti taħt l-RRF u għalhekk mhijiex koperta fi ħdan l-opinjoni tal-QEA. Dan l-aspett se jiġi eżaminat b’mod separat permezz ta’ awditi futuri meta jiġi kkompletat ix-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-effettività tar-riformi differenti li jinsabu fl-istadji importanti tkun pjuttost suġġett għal rapporti speċjali ddedikati fil-futur.

Ir‑rispons għall‑pandemija u għall‑gwerra ta' aggressjoni fl‑Ukrajna jżid ir‑riskji baġitarji

L‑esponiment totali tal‑baġit tal‑UE għal obbligazzjonijiet futuri potenzjali rdoppja u aktar fl‑2021, minn EUR 131.9 biljun għal EUR 277.9 biljun. Dan kien dovut prinċipalment għall-ħruġ ta' EUR 91.0 biljun f'bonds għall‑finanzjament tal‑pakkett NGEU, u żieda ta' EUR 50.2 biljun f'assistenza finanzjarja biex tgħin lill‑Istati Membri jħarsu l‑impjiegi u l-ħaddiema milquta mill‑pandemija.

L‑awdituri jwissu wkoll dwar ir‑riskji li l‑gwerra ta' aggressjoni fl‑Ukrajna toħloq għall‑baġit tal‑UE. Fi tmiem l‑2021, l‑Ukrajna kellha self pendenti b'valur nominali ta' EUR 4.7 biljun taħt bosta programmi tal‑UE. Il‑Bank Ewropew tal‑Investiment ta wkoll self lill‑Ukrajna, kopert minn garanziji tal‑UE, għall‑valur ta' EUR 2.1 biljun.

L‑impenji pendenti mill‑baġit tal‑UE naqsu fl‑2021, prinċipalment minħabba dewmien fl‑implimentazzjoni tal‑fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt il‑QFP 2021-2027, u l‑ammont tagħhom kien ta' EUR 251.7 biljun fi tmiem l‑2021 (2020: EUR 303.2 biljun). Madankollu, it‑total tal‑impenji pendenti (li jinkludi EUR 89.9 biljun għall‑NGEU) laħaq ammont għoli rekord ta' EUR 341.6 biljun. Il‑QEA tiġbed l‑attenzjoni għall‑fatt li għadhom jeżistu differenzi sinifikanti fl‑assorbiment tal‑Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) min‑naħa tal‑Istati Membri, mill‑baġit tal‑perjodu 2014-2020. Filwaqt li l‑Irlanda, il‑Finlandja u Ċipru, pereżempju, kienu ġabru aktar minn tliet kwarti tal‑flus allokati lilhom, it‑tliet pajjiżi tal‑UE fejn ir‑rata ta' assorbiment kienet l‑aktar baxxa (il‑Kroazja, is‑Slovakkja u Malta) kienu użaw biss ftit aktar minn nofs l‑ammonti impenjati tagħhom.

Mistoqsijiet miftuħa rigward l‑ittra tal‑Kummissjoni dwar l‑istat tad‑dritt li ntbagħtet lill‑Ungerija

Fir‑rapport tagħhom l‑awdituri jirreferu għan‑notifika bil‑miktub li l‑Kummissjoni bagħtet lill‑Ungerija f'April 2022, li skattat il‑proċedura li tista' twassal għal miżuri kontra Stat Membru għal ksur tal‑istat tad‑dritt. Fir‑rapport annwali tagħha dwar il-ġestjoni u l‑prestazzjoni (AMPR), li jipprovdi informazzjoni ewlenija dwar il‑kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja tagħha, il‑Kummissjoni ma tiddivulgax kif din in‑notifika tista' tolqot ir‑regolarità tal‑infiq fl‑Ungerija