Sa mill-ħolqien tagħha, il-QEA ppromwoviet b’mod konsistenti l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri fl-awditu tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE
Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-UE
It-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE jeħtieġ lill-QEA u lill-korpi tal-awditjar nazzjonali tal-Istati Membri jikkooperaw fi spirtu ta' fiduċja, filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom. Il-kooperazzjoni bejn is-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-QEA tmur lura għall-bidu tal-eżistenza tal-Qorti fl-1977, u żdiedet matul is-snin. Illum il-QEA tikkoopera b'mod attiv mas-SAIs tal-Istati Membri tal-UE permezz tal-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt.
Kumitat ta' Kuntatt
Il-Kumitat ta’ Kuntatt huwa assemblea tal-kapijiet ta’ SAIs tal-UE u tal-QEA u jiltaqa’ kull sena. Huwa jipprovdi forum għal kooperazzjoni u skambju ta’ għarfien u esperjenza professjonali dwar l-awditjar tal-fondi tal-UE u kwistjonijiet oħra relatati mal-UE. Jinżammu kuntatti ta’ kuljum permezz ta’ uffiċjali ta' kollegament maħtura minn kull istituzzjoni. Gruppi ta’ ħidma, netwerks u task forces jintużaw biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet u ta’ prattiki komuni.
Netwerk ta' Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Pajjiżi Kandidati
Il-QEA tikkoopera mas-SAIs ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE biex tiffaċilita skambji regolari ta' information, tiżviluppa metodoloġiji tal-awditjar u tippromwovi taħriġ professjonali. Dan isir fi sħubija mas-SIGMA (Appoġġ għal titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni), inizjattiva konġunta tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-UE.
L-istrument prinċipali għall-kooperazzjoni huwa n-Netwerk tas-SAIs ta’ pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, li jopera b'mod simili għall-Kumitat ta’ Kuntatt. Hu jinvolvi laqgħat perjodiċi tal-kapijiet tas-SAIs u tal-uffiċjali ta’ kollegament, kif ukoll gruppi ta’ ħidma, seminars, workshops u awditi paralleli. L-għan prinċipali huwa l-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ metodi u tekniki tal-awditjar b’konformità mal-istandards internazzjonali u l-aqwa prattiki tal-UE.
Evalwazzjoni bejn il-pari
Bħala Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar (SAI), il-QEA tistinka biex tkun fuq quddiem tal-iżviluppi fl-awditu tas-settur pubbliku. Hija taħdem flimkien ma' SAIs oħra fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI) u l-grupp reġjonali Ewropew tagħha l-EUROSAI. biex tistabbilixxi standards professjonali u prattiki tajbin. Il-QEA kienet adottat minn kmieni l-evalwazzjoni bejn il-pari bħala għodda għall-iżvilupp u t-tifrix ta' prattika tajba fi ħdan il-komunità tas-SAIs.
L-ewwel evalwazzjoni bejn il-pari tal-QEA fl-2008 eżaminat l-aspetti kollha tal-operazzjonijiet tal-awditjar u dawk amministrattivi tagħha. L-evalwazzjoni kienet immexxija mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tal-Kanada, flimkien mas-SAIs tal-Awstrija, tan-Norveġja u tal-Portugall.
It-tieni
evalwazzjoni bejn il-pari, tal-QEA, intemmet fl-2013 u tmexxiet
mill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża
flimkien mas-SAIs ta' Franza u tal-Isvezja. Kopriet il-prattiki tal-QEA fir-rigward tal-awditjar tal-prestazzjoni, u s-segwitu mogħti
għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari 2008.
Links relatati