Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu biex isalvaw il-ħajjiet u tiġi miġġielda l-pandemija, u tesprimi l-appoġġ tagħha għal dawk kollha affettwati u għall-familji tagħhom. Nappellaw lil kull individwu biex isegwi l-istruzzjonijiet li ngħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa. Aħna se nkomplu nagħmlu kull sforz biex innaqqsu l-effett tal-pandemija fuq il-persunal tagħna u biex nimminimizzaw kemm jista' jkun ir-riskju għalihom u għall-familji tagħhom. Filwaqt li nħeġġu bil-qawwi t-telexogħol bħala l-għażla ppreferuta, il-membri tal-persunal li jixtiequ jaħdmu fl-uffiċċji setgħu jagħmlu dan, fuq bażi ta' rotazzjoni, mill-15 ta' Ġunju 'l hawn.
Fl-istess ħin, għamilna dak kollu li stajna biex inkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku fl-UE li jkun effettiv, u biex inwasslu rapporti, opinjonijiet u rapporti analitiċi tal-awditjar f'waqthom. Aħna analizzajna bir-reqqa l-impatt tal-pandemija attwali tal-COVID-19 fuq il-proċessi ta' ħidma u l-prodotti tagħna, u b'riżultat ta' dan stajna nkomplu noħorġu l-pubblikazzjonijiet f'nofs April.
B'mod parallel, aħna rrevedejna l-programm ta' ħidma tagħna għall-2020 b'rispons għall-isfidi mingħajr preċedent li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika. Fejn kien xieraq, biddilna l-ambitu tal-kompiti tagħna li jinsabu għaddejjin, u aġġustajna l-approċċ u l-iskeda ta' żmien biex nieħdu kont ta' ċirkustanzi li qed jinbidlu. Iddeċidejna wkoll li ma nkomplux erba' kompiti, u li nżidu żewġ rapporti analitiċi b'fokus speċifiku fuq il-kriżi tal-COVID-19. Aħna ninsabu f'pożizzjoni kompletament operazzjonali biex nirrispondu malajr għal talbiet għal opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-COVID-19, kif urejna f'dawn l-aħħar xhur.