Skont ir-rapport tal-attività ġdid tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) qed tiffoka dejjem aktar fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u tal-valur miżjud tal-azzjonijiet li jittieħdu mill-UE f’dak li jirrigwarda l-infiq u r-regolamentazzjoni. Fl-2019, l-awdituri esterni tal-UE ppubblikaw 67 rapport, rapport analitiku u opinjoni li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li l-Unjoni qed tiffaċċja, bħall-kura tas-saħħa transkonfinali, l-enerġija rinnovabbli, iċ-ċibersigurtà, il-migrazzjoni u l-governanza fiskali. Il-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, qal li billi issa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-Istati Membri qed jiffaċċjaw sfida mingħajr preċedent għas-saħħa pubblika u għall-ekonomija, l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jridu jibnu fuq l-isforzi tal-passat biex titjieb aktar il-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni u jiżguraw li l-UE tikseb riżultati.
Ir-rapport tal-attività jagħti rendikont sħiħ tal-awditi u l-pubblikazzjonijiet maħruġa mill-QEA, tal-kontrolli li din wettqet fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi, kif ukoll tal-involviment li kellha mal-partijiet ikkonċernati prinċipali tagħha fl-2019. L-awdituri jipprovdu wkoll informazzjoni ewlenija dwar il-persunal, il-governanza u l-finanzi tal-QEA, filwaqt li japplikaw l-istess standards ta’ trasparenza u ta’ obbligu ta’ rendikont għalihom infushom bħalma jagħmlu għall-entitajiet li huma jawditjaw.
“Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw sfidi mingħajr preċedent. Aħna ninsabu fl-aħħar fażi tan-negozjati relatati mal-baġit fuq terminu twil li jmiss li se jiddetermina s-saħħa finanzjarja tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin,” qal il-President Lehne. “Huwa aktar kruċjali minn qatt qabel li l-Unjoni tikseb riżultati, u li l-valur miżjud tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà Ewropej jintwera billi ċ-ċittadini jiġu megħjuna biex jegħlbu din il-kriżi.”