Fil-pjan tal-awditjar tagħha għall-2021, li ġie ppubblikat illum, il-QEA ħabbret li wieħed minn kull erba’ awditi ġodda li se jitwettqu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) din is-sena se jittratta r-rispons li l-UE tat għall-pandemija tal-COVID-19 u l-pakkett għall-irkupru “Next Generation EU” (NGEU). Barra minn hekk, fil-ħames snin li ġejjin, l-awdituri tal-UE għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal Unjoni Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli, li tiddefendi l-valuri li fuqhom hija bbażata. Skont l-istrateġija l-ġdida tal-istituzzjoni għall-perjodu 2021-2025, li nħarġet ukoll illum, huma se jkomplu jistinkaw biex jipprovdu aċċertament qawwi tal-awditjar liċ-ċittadini, itejbu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza tal-azzjonijiet tal-UE u jawditjaw il-prestazzjoni tagħha fl-oqsma li huma l-aktar importanti.
Il-programm ta’ ħidma tal-awdituri tal-UE għall-2021 u lil hinn, li jibqa’ sejjer sas-sena ta’ wara, jelenka 73 rapport speċjali u rapport analitiku li biħsiebhom jippubblikaw fl-2021 u fl-2022 f’erba’ oqsma strateġiċi:
• il-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni tal-UE;
• l-isfidi fl-oqsma tal-klima u tar-riżorsi;
• is-sigurtà u l-valuri Ewropej;
• il-politika fiskali u l-finanzi pubbliċi.
Dawn il-pubblikazzjonijiet se jiffukaw prinċipalment fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-azzjoni tal-UE f’oqsma magħżula bħall-akkwist tal-vaċċini, is-sigurtà tal-ikel u l-moviment liberu matul il-pandemija, il-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru, id-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, il-gvern elettroniku, l-ekonomija ċirkolari, l-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika, is-sajd sostenibbli, il-ġlieda kontra l-frodi fil-politika agrikola komuni, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), is-superviżjoni bankarja fl-UE, u l-illobbjar fil-konfront tal-leġiżlaturi. L-awdituri għażlu dawn l-oqsma abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji prinċipali fir-rigward tal-infiq tal-UE u t-twettiq tal-politiki.
“Il-programm ta’ ħidma tagħna għall-2021 jimmarka l-bidu tal-istrateġija l-ġdida tagħna li se tiggwida x-xogħol tagħna bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE sal-2025”, qal Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA. “Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkomplu jorbtu fuqna f’dak li jirrigwarda
kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-UE: aħna se nimmiraw l-awditi tagħna lejn l-oqsma fejn
nistgħu nipprovdu l-aktar valur miżjud, billi nenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb u niġbdu lattenzjoni
għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost. Dan japplika wkoll għall-miżuri l-ġodda li
ttieħdu mill-UE biex iċ-ċittadini jiġu mħarsa mill-effetti avversi tal-pandemija.”