Yes
No

​​

Kull sena, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE bħala parti minn baġit għal żmien itwal maqbul għal perjodu ta’ 7 snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). Il-QFP attwali, li jkopri l-perjodu 2021–2027, jammonta għal aktar minn €1200 biljun b’kollox, li huwa inqas minn 2 % tal-infiq pubbliku tal-Istati Membri tal-UE.

Minbarra l-baġit għal żmien twil standard tal-UE, isiru pagamenti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li huwa strument finanzjarju temporanju ta’ darba (NextGenerationEU) li nħoloq biex jixpruna l-irkupru u r-riformi ta’ wara l-pandemija. Matul il-perjodu 2021–2026 se jkunu saru disponibbli kważi €600 biljun f’appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri.

Taħt il-QFP attwali, l-akbar sehem mill-baġit tal-UE (madwar 45 %) huwa ffinanzjat minn ammonti li l-Istati Membri jikkontribwixxu approporzjon tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom. Sorsi oħra jinkludu kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (madwar 10 %), dazji doganali (madwar 10 %), u kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik (madwar 3 %). L-ammonti mislufa biex jiffinanzjaw l-appoġġ għall-Istati Membri bħala parti mill-NGEU jipprovdu wkoll sehem sostanzjali mid-dħul tal-UE (madwar 18 %).

Il-fondi tal-UE jiġu żborżati lill-benefiċjarji jew permezz ta’ pagamenti uniċi/pagamenti akkont annwali jew inkella permezz ta’ sensiela ta’ pagamenti taħt skemi ta’ nfiq pluriennali. L-akbar ishma mill-baġit tal-QFP tal-UE bħalissa jmorru għal:

  • “Riżorsi naturali u ambjent” (madwar 34 %): dawn jinkludu l-azzjoni klimatika u l-politika agrikola komuni tal-UE;
  • “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” (madwar 30 %): dawn jinkludu investimenti fit-tkabbir reġjonali u t-trasport;
  • “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” (madwar 14 %): dawn jinkludu appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp f’diversi setturi u l-programm Orizzont Ewropa;
  • u “Il-Viċinat u d-dinja” (madwar 10 %): dan huwa magħruf ukoll bħala “Ewropa Globali” u jirreferi prinċipalment għall-azzjoni esterna tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp.

Kull sena, nawditjaw il-kontijiet annwali tal-UE u d-dħul u n-nefqa li fuqhom huma bbażati. Nivvalutaw jekk:

  • il-kontijiet humiex affidabbli;
  • id-dħul tal-UE ġiex riċevut; u
  • il-pagamenti sarux skont ir-regoli.

Għal kull qasam, nipprovdu opinjoni separata: “favorevoli”, “kwalifikata” jew “avversa”. Jenħtieġ li jiġi nnutat li, għan-nefqa, aħna nipprovdu żewġ opinjonijiet separati: waħda dwar il-baġit standard tal-UE, u oħra dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) temporanja, li hija l-pilastru prinċipali tal-pakkett tal-UE għall-irkupru mill-pandemija magħruf bħala NextGenerationEU (NGEU).

Dawn il-verifiki jiffurmaw il-bażi tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni “favorevoli” tfisser li ċ-ċifri fil-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta, u jsegwu r-regoli dwar ir-rappurtar finanzjarju u l-ġestjoni finanzjarja. It-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Opinjoni “kwalifikata” tfisser li l-awdituri ma jistgħux jagħtu opinjoni favorevoli, iżda li l-problemi li identifikaw huma limitati għal oqsma speċifiċi.

Opinjoni “avversa” tfisser li l-problemi huma mifruxa.

Din iċ-ċifra, espressa bħala perċentwal, hija l-istima li wettaqna tas-sehem ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE minħabba li ma ntefaqx skont ir-regoli tal-UE jew ir-regoli nazzjonali speċifiċi.

Żbalji tipiċi jinkludu pagamenti lil benefiċjarji ineliġibbli jew lil proġetti ineliġibbli, jew pagamenti għax-xiri ta’ servizzi, beni jew investimenti, mingħajr ma jkunu ġew applikati korrettament ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Fit-terminoloġija tal-awditjar, dan ifisser il-livell li ’l fuq minnu l-iżbalji jitqiesu bħala li għandhom effett sinifikanti. Livell materjali ta’ żball huwa wieħed li x’aktarx jinfluwenza l-mod kif l-utenti intenzjonati ta’ rapport tal-awditjar jieħdu deċiżjonijiet. Kemm il-QEA kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jużaw soll ta’ 2 % biex jiddeterminaw il-materjalità.

Le. Dan mhuwiex preċiżament il-każ, minħabba li hemm differenza sinifikanti bejn “żball” u “ħela”.

Fl-ittestjar li nwettqu fuq l-infiq tal-baġit tal-UE, aħna nivverifikaw jekk flus l-UE jkunux intefqu skont ir-regoli, jekk il-kostijiet iddebitati jkunux ġew ikkalkulati b’mod korrett, u jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew issodisfati mill-bidu nett. Jekk mill-inqas wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jkunx ġie ssodisfat, aħna nsejħulu “żball”. Dan huwa dak li tirrifletti r-rata ta’ żball stmata minna.

Għalkemm dawn l-iżbalji jinvolvu pagamenti għal proġetti jew benefiċjarji li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà (eż. żbalji b’rabta mal-proċedura ta’ akkwist), dawn il-proġetti jew benefiċjarji jaf xorta jipprovdu l-benefiċċji intenzjonati u b’hekk ma jistgħux jitqiesu bħala ħela.

Ovvjament, in-nefqa tista’ tkun legali u regolari, iżda xorta tkun titqies bħala ħela. Eżempju wieħed li fil-passat irrappurtajna dwaru kien l-infrastruttura portwarja li kienet inbniet mingħajr ma ġew ikkunsidrati b’mod adegwat il-livelli ta’ merkanzija proġettati.

Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ma għandna l-ebda indikazzjoni ta’ dan it-tip. Fiha nnifisha, il-frodi hi att deliberat ta’ qerq biex jinkiseb vantaġġ. Għalkemm jista’ jkun diffiċli biex il-każijiet ta’ frodi jiġu identifikati permezz ta’ proċeduri standard tal-awditjar, l-ittestjar li nwettqu tabilħaqq jiżvela diversi każijiet ta’ frodi suspettata kull sena.

Għalkemm il-QEA ma għandhiex il-kompitu li tinvestiga każijiet ta’ frodi suspettata kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, aħna ngħinu biex tiġi miġġielda l-frodi kontra l-baġit tal-UE billi nirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), u/jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

Xogħolna huwa li nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Aħna neżaminaw il-baġit tal-UE, u kif il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġjah mal-Istati Membri. Għalhekk, l-awditu li nwettqu mhuwiex imfassal biex jipproduċi rati ta’ żball għal Stati Membri individwali, billi dan ikun jeħtieġ riżorsi addizzjonali sostanzjali. Huwa l-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea — bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE — li tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kull Stat Membru fir-rapporti annwali tal-attività tagħha.

Madankollu, aħna nsemmu ċerti Stati Membri, benefiċjarji u reġjuni meta nipprovdu eżempji illustrattivi fir-Rapport Annwali tagħna. Nipprovdu wkoll għarfien ġeografiku mill-ittestjar tat-tranżazzjonijiet fl-oqsma ta’ nfiq “Koeżjoni” u “Riżorsi Naturali” u fir-rigward tan-nefqa fil-qafas tal-RRF. Dawn l-eżempji jipprovdu indikazzjoni tal-għadd ta’ tranżazzjonijiet awditjati għal kull Stat Membru, u l-għadd ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikati. Madankollu, dawn iċ-ċifri ma għandhomx jinftiehmu bħala li juru l-livell ta’ żball fi Stat Membru partikolari.