Skont ir-Rapport Annwali l-aktar reċenti li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kien hemm titjib sostnut fil-livell ta’ żball stmat għall-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE.
Kważi nofs l-infiq tal-UE li ġie awditjat fl-2016 kien taħt is-soll ta' 2 % għal-livell materjali ta' żball. B'riżultat ta' dan, l-awdituri ħarġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti għall-2016, u mhux waħda avversa. Din hija l-ewwel opinjoni kwalifikata tagħhom minn meta bdew jipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali fl-1994. Minbarra dan, l-awdituri taw opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE għall-2016, jew iċċertifikawhom, bħalma kien il-każ kull sena mill-2007 'l hawn. Id-dħul fl-2016 kien ħieles minn żball materjali.
Il-livell kumplessiv ta' żball għall-infiq tal-UE fl-2016 li huwa ta' 3.1 %, meta mqabbel ma' 3.8 % fl-2015 u 4.4 % fl-2014.
Il-“Pagamenti bbażati fuq drittijiet”, li jsiru meta ċerti kundizzjonijiet speċifiċi jkunu ġew issodisfati, jirrappreżentaw madwar 49 % tal-infiq tal-UE u kellhom livelli ta' żball taħt it-2 %. Huma jinkludu għajnuna diretta għall-bdiewa, għotjiet lill-istudenti u lir-riċerkaturi, u spejjeż għall-persunal. L-intestatura “Riżorsi Naturali: Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta” kellha livell ta’ żball stmat ta’ 1.7 % filwaqt li dan kien ta’ 0.2 % għall-intestatura “Amministrazzjoni”.
Madankollu, instabu livelli ogħla ta’ żball fil-“Pagamenti bbażati fuq ir-rimborż", li jsiru permezz ta' rifużjonijiet. Għall-intestatura "Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali", il-livell ta' żball stmat kien ta’ 4.8 %; filwaqt li għall-intestatura "Riżorsi Naturali: Żvilupp rurali, ambjent, azzjoni klimatika u sajd", dan kien ta’ 4.9 %.
“L-opinjoni kwalifikata li ngħatat din is-sena tirrifletti titjib importanti fil-finanzi tal-UE,” qal is-Sur Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. “Għall-ġejjieni, aħna se nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn il-mod ta’ kif nawditjaw il-baġit tal-UE. Se nieħdu aktar kont tal-kontrolli interni li jintużaw fil-Kummissjoni Ewropea u fl-Istati Membri, biex b'hekk inkunu nistgħu nippromwovu aktar l-obbligu ta’ rendikont u nkomplu ntejbu l-ġestjoni tal-finanzi tal-UE. Minbarra dan, aħna se nżidu l-fokus tagħna fuq il-prestazzjoni biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jiksbu valur għal flushom."
L-azzjoni li ttieħdet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni naqqset il-livell kumplessiv ta' żball stmat b'1.2 %. Madankollu, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex ħafna mill-iżbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti ulterjorment. L-awdituri jgħidu illi li kieku din l-informazzjoni kollha ntużat sew, il-livelli ta' żball għal "Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, "Riżorsi Naturali" u “Ewropa Globali” kien ikun taħt is-soll ta' materjalità ta’ 2 %. “Dan ifisser li ma hemmx ħtieġa li jsiru kontrolli addizzjonali, iżda l-kontrolli eżistenti jridu jiġu infurzati sew,” qal il-President Lehne.
L-awdituri jikkonfermaw li, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ir-rappurtar li jsir mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-konformità mar-regoli jaqbel mar-riżultati proprji tagħha. Iżda huma jirrakkomandaw li l-Kummissjoni tiffoka aktar fuq il-prestazzjoni u tissemplifika l-għodod ta' kejl tagħha f'konformità mal-prattika tajba internazzjonali.
Fl-aħħar nett, l-awdituri jwissu li l-pagamenti totali li l-UE hija impenjata li tagħmel minn baġits futuri ("impenji pendenti", magħrufa bħala reste à liquider jew RAL) kienu ogħla milli qatt kienu qabel fl-2016 u laħqu l-EUR 238.8 biljun. Huma jgħidu li jenħtieġ li l-eliminazzjoni ta’ dawn l-arretrati u l-prevenzjoni ta’ oħrajn ġodda jkunu fost il-prijoritajiet għall-ippjanar tal-infiq tal-UE fil-perjodu li jibda fl-2020.