Bħala istituzzjoni tal-UE, stabbilita bit-Trattat, il-QEA twettaq l-awditi tagħha fi ħdan qafas interistituzzjonali stabbilit prinċipalment bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-Regolament Finanzjarju għall-baġit ġenerali tal-UE.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri – istituzzjoni tal-UE
Skont it-Trattat, il-QEA hija istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE huma: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-UE (sempliċiment imsejjaħ “Kunsill”), il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u l-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) – l-awditur indipendenti estern tal-UE
“Il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel il-verifika [l-awditjar] tal-Unjoni” (TFUE, l-Artikolu 285).
It-TFUE jikkonferixxi fuq il-Qorti Ewropea tal-Awdituri l-kompitu prinċipali li twettaq l-awditjar tal-Unjoni bl-għan doppju li ttejjeb il-ġestjoni finanzjarja u li tirrapporta liċ-ċittadini tal-Ewropa dwar l-użu li sar mill-fondi pubbliċi mill-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tagħhom.
Dispożizzjonijiet tat-Trattat
L-Artikolu 285 – Il-Qorti tal-Awdituri (kompożizzjoni)
L-Artikolu 286 – Il-Qorti tal-Awdituri (dmirijiet tal-Membri)
L-Artikolu 287 – Il-Qorti tal-Awdituri (kompiti)
- Skont it-Trattat, il-QEA teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni u teżamina wkoll il-kontijiet ta’ kull dħul u ħruġ tal-korpi jew l-organi kollha stabbiliti mill-Unjoni, safejn l-att kostituttiv rilevanti ma jipprekludix dan l-eżami.
- Il-QEA tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni (ta’ assigurazzjoni) li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kkompletata b’valutazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni.
- Il-QEA teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kinitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal każijiet ta' irregolarità.
- Wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħmel rapport annwali li jintbagħat lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mat-tweġibiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.
- Il-Qorti tal-Awdituri tista’ wkoll, f'kull żmien, tippreżenta osservazzjonijiet, partikolarment fil-forma ta' rapporti speċjali, fuq kwistjonijiet speċifiċi u tagħti opinjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni.
- Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tassisti wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit.
- Fir-rigward tal-Bank Ċentrali Ewropew, is-setgħat tal-awditjar tal-QEA huma limitati għall-eżaminar tal-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE (l-Artikolu 27 tal-Protokoll Nru 4 tat-Trattat).
Dispożizzjonijiet finanzjarji
It-test ta' referenza li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet finanzjarji jista' jinstab taħt l-Artikoli 310 sa 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 319 – L-implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza
L-Artikolu 322 – Dispożizzjonijiet ġenerali
L-Artikolu 325 – Il-ġlieda kontra l-frodi
Regoli ta’ Proċedura
Bħala istituzzjoni tal-UE stabbilita bit-Trattat, l-operazzjonijiet tal-QEA jridu jkunu regolati bir-regoli u l-proċeduri xierqa. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA huma meħtieġa mill-Artikolu 287 TFUE u huma approvati mill-Kunsill tal-UE. Il-QEA tiddetermina r-regoli tagħha stess għall-implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.
Qafas Etiku
Il Linji Gwida dwar l Etika u l Kodiċi ta’ Kondotta tal Membri tal QEA huma disponibbli fil paġna
“Etika”. Links relatati